Erba’ snin ilu fuq talba ta’ Repubblika bdiet titwettaq inkjesta maġisterjali dwar il-frodi u l-korruzzjoni fil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet Maltin. Il-persuni ssuspettati li wettqu dawk ir-reati għamlu minn kollox biex ma ssirx dik l-inkjesta. Però l-Qrati ddeċidew li l-inkjesta kellha ssir. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem Joseph Muscat u l-klikka tiegħu għamlu minn kollox biex jimminaw xogħol il-Maġistrat Inkwirenti.

Dejjem intqal lilna mill-gvernijiet ta’ Joseph Muscat u ta’ Robert Abela li għandna nħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu. Issa li hawn istituzzjoni li qed taqdi dmirha, Muscat qed jattakkaha, biex jimminaha u jwaqqafha milli taqdi dmirha.

Dawn huma sinjali ċari ta’ paniku min-naħa ta’ Muscat. Hu jaf x’ħawwad meta kien fuq is-siġġu tal-poter. Żgur mhux ser naċċettaw sitwazzjoni fejn klikka ta’ individwi jitqiesu li huma ‘l fuq mil-liġi.

Wara li ħataf kemm felaħ partijiet mill-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ pajjiżna meta kien prim ministru biex hu u sħabu jitħanżru minn fuq dahar il-poplu Malti, issa Muscat qed jipprova jagħti lil ħaddieħor dak li hu tiegħu.

Repubblika tikkundanna l-attakk ta’ Muscat fuq il-ġudikatura u twiegħed li ser tibqa’ taħdem biex hu u l-klikka tiegħu jħallsu għall-korruzzjoni li wettqu skond il-liġijiet ta’ pajjiżna.