Dalgħodu Repubblika preżentat ilment formali bil-miktub lil Charles Dalli u Norma Saliba, Editur u Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS rispettivament, dwar rappurtaġġ qarrieqi li deher ilbieraħ fuq l-istazzjon Nazzjonali dwar ir-rikors li għamel l-Avukat tal-iStat marbut mad-deċiżjoni li tat il-Qorti Kostituzzjonali dwar ir-rekuża tal-Maġistrat Nadine Lia, fejn ordnat it-tneħħija ta’ din il-Maġistrat mill-każ ta’ sfida li qed tagħmel Repubblika kontra l-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-passi li naqas milli jieħu fuq l-Inkjesta dwar l-operat tal-Pilatus Bank. L-unika revoka li ordnat il-Qorti Kostituzzjonali f’dan il-każ hi dik mitluba minn Repubblika. Ir-rappurtaġġ tal-PBS iwassal il-messaġġ oppost.

Il-poplu Malti jixraqlu jkun infurmat bil-fatti kif verament huma mill-istazzjon Nazzjonali u mhux bil-fatti manipulati u maqbluba rashom ‘l isfel. Għaldaqstant Repubblika talbet lis-Sur Dalli u lis-Sinjura Saliba biex minnufih u fit-terminu stabbilit bil-liġi jirrappurtaw fedelment dak li verament irrevokat il-Qorti lbieraħ l-21 t’Ottubru 2022 (ara t-talba mehmuża).

Huwa inaċettabbli li l-istazzjon tax-xandir nazzjonali għadu jippersisti f’dawn it-tattiċi ta’ qerq li huma intiżi li jaġevolaw lill-gvern u li jċaħħdu lill-Poplu mill-verita’ tal-fatti.

Repubblika tħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba biex jattendu bi ħġarhom għall-manifestazzjoni ‘Se Naslu’ li ser issir għada l-Ħadd, 23 t’Ottubru mit-3.30 p.m. ‘il quddiem fi Triq Repubblika. Kull min jixtieq jara ġustizzja u bidla f’pajjiżna huwa mistiden jingħaqad magħna.

Se naslu.