Il-Prim Ministru Robert Abela issa qed jassumi r-responsabbilità għall-imġieba mhux xierqa tad-Deputat Parlamentari Rosianne Cutajar.

Repubblika tinsisti mal-Prim Ministru li hu għandu d-dmir li jiġġieled l-imġieba mhux etika u mhux jipprova jfixkel meta din tkun tiġi investigata.

Huwa tal-mistħija li l-Prim Ministru Robert Abela wassalna f’pożizzjoni li l-Parlament Malti jibdel il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex Rosianne Cutajar tiskarta milli twieġeb għal għemilha.

Aġir bħal dan ipenġina bħala pajjiż li ma tistax tafda u fejn min iħawwad mhux bissa ma jirrispondix ta’ għemilu imma jkun protett.  Huwa konferma li għall-Gvern Malti hawn bhejjem li fuqhom tagħfas il-liġi u allat li ħadd ma jista’ jmisshom.

Repubblika tfakkar ukoll li l-proċeduri kontra Rosianne Cutajar għadhom miftuħa fil-Parlament Malti wara r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards.

Nistennew li l-Ispeaker iwettaq dmiru quddiem il-poplu Malti u li l-Prim Ministru iwaqqaf il-logħob tat-tfal li Edward Zammit Lewis u Glenn Beddinfield qed jilgħabu fil-Parlament biex jipproteġu lil Rosianne Cutajar.