Ittra li Repubblika bagħtet lill-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia dwar
l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni, Kap. 249

16 ta’ Marzu, 2020
L-Ispeaker
Il-Parlament ta’ Malta
Il-Belt Valletta

Sur President

Dwar: Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni, Kap. 249

Qed insegwu d-dibittatu dwar l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Ministru Edward Zammit Lewis u moqri għall-Ewwel darba fis-Seduta tat-22 ta’ Frar 2021.

M’għandniex dubju li l-gvern li qed jippilota dan l-Abbozz ta’ Liġi għandu l-pariri legali li jeħtieġ biex ikun sodisfatt li qed jirrakkomanda lill-Parlament liġi konformi mal-Kostituzzjoni.

Madankollu, il-pariri legali li għandna aħna jgħidu li dan mhux il-każ u jekk il-Parlament jadotta dan l-Abbozz, il-liġi approvata minflok tipprovdi interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni, tkun qed tipprovdi miżinterpratazzjoni maħsuba biex tipprova tiġġustifika aġir li jmur kontra dak li trid il-Kostituzzjoni.

Dan tant hu minnu li qabel tressaq dan l-Abbozz, il-Ministru Edward Zammit Lewis ippreżenta emendi għall-Kostituzzjoni intenzjonati li jkollhom l-istess effett li iżda ġew irtirati meta kien jidher li dawk l-emendi ma kienx se jkollhom l-appoġġ meħtieġ għall-approvazzjoni.

L-istess kif qed jiġri b’liġi oħra ippilotata mill-Ministru Edward Zammit Lewis u li dwarha diġà kkomunikajna miegħek, jidher li l-gvern qed jerġa’ jitlob lill-Parlament jagħmel liġi li tippermettilu jikser il-Kostituzzjoni.

Nitolbok tinforma lid-Deputati li jekk kemm-il darba il-Parlament jadotta liġi li tkun minnha nfisha tikser il-Kostituzzjoni, Repubblika se tuża l-mezzi li tippermettilha l-Kostituzzjoni stess biex tara li din il-liġi tkun sfidata fil-qrati.

Repubblika hi tal-fehma soda li:

  1. Ebda gabirjoli leġislattivi m’għandhom iċaħħdu ‘l xi ħadd mill-jedd għal smiegħ xieraq u għas-salvagwardji Kostituzzjonali li huma garanzija għal min hu akkużat jew f’sogru li jiġi kkundannat b’pieni ta’ natura kriminali; u li
  2. Il-Parlament m’għandux jadotta liġijiet li effettivament jiġġustifikaw lill-gvern biex jaġixxi bi ksur tal-Kostituzzjoni.

Grazzi tal-attenzjoni tiegħek.

Robert Aquilina
President, Repubblika

Kopji: Il-President ta’ Malta
Il-Prim Ministru
Il-Kap tal-Oppożizzjoni