L-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna saru bejta ta’ assassini u kriminalità organizzata.

Ninsabu xxukkjati bix-xhieda li ħarġet illum fil-Qorti b’rabta mal-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din ix-xhieda turi kif uħud mill-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti, membri fl-ogħla gradi tal-Pulizija u kriminali għenu lil xulxin sabiex tkun maqtula Daphne Caruana Galizia u biex l-investigazzjonijiet ikunu imfixkla.

Smajna wkoll dwar il-ġenn li kien hemm biex Daphne tinqatel qabel ma hi tilħaq “toħroġ storja kbira” li kollox jindika li hija l-istorja tal-Electrogas u power station mimlija korruzzjoni.

Sa mill-bidu tagħha, Repubblika issieltet biex issir ġustizzja ma’ Daphne u mal-familja tagħha kif ukoll biex toħroġ il-verità kollha.

Wara dak li smajna, Repubblika tinsisti li l-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu morali li ma jibqax jopponi biex issir inkjesta pubblika u indipendenti dwar l-Electrogas.