Repubblika tesprimi apprezzament għar-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova waqt li llum ħabbret direttiva ġdida Ewropea biex ġurnalisti jkunu protetti minn min jabbuża mil-liġijiet dwar il-libell biex joħonqu l-libertà tal-istampa u d-dritt taċ-ċittadini li jkunu infurmati.

Il-Viċi President Jourova irrimarkat li d-direttiva proposta hi frott wegħda li għamlet lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li meta nqatlet kienet qed tiddefendi kważi ħamsin kawża ċivili jew kriminali ta’ libell. Dan minbarra theddid u kawża kontriha magħmulha barra minn Malta.

Meta nqatlet Daphne, l-abbuż tal-qrati minn min ried jaħbi l-verità u t-theddid lill-ġurnalisti ma kienx fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Repubblika ttenni l-ammirazzjoni tagħha għad-deċiżjoni u l-ħidma tal-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li filwaqt li fittxew ġustizzja għall-qtil tagħha, fittxew ukoll li jkunu mħarsa l-ġurnalisti kollha b’mod li Daphne ma kinitx. Din il-liġi l-ġdida qed tiddaħħal grazzi għall-impenn tagħhom.

Din id-direttiva hi pass ta’ fejda għal-libertà tal-espressjoni f’Malta u fl-Ewropa. Fejn qabel il-gvern Malti kien jgħid li l-protezzjoni tal-ġurnalisti mill-kawżi SLAPP kien ikun kontra l-liġi Ewropea, issa l-liġi Ewropea qed tobbligah jintroduċi din il-protezzjoni.

Fl-istess waqt il-Kummissjoni Ewropea llum irrakkomandat lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jimplimentaw dawn il-miżuri ta’ protezzjoni tal-ġurnalisti anke f’każ ta’ kawżi li jsiru ġol-pajjiż fejn jaħdem il-ġurnalist. Dawn il-kawżi domestiċi m’humiex fil-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea u jridu għalhekk ikunu l-gvernijiet nazzjonali li jdaħħluhom.

Waqt li hu ċar li kawża minn pajjiż ieħor hi minnha nfisha theddida għal-libertà tal-istampa, spiss hu biż-żejjed għal min irid isikket lill-ġurnalisti jew ifittex li jiskreditahom billi jiftaħ kawżi ta’ libell f’Malta stess.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jillimitaw l-abbuż tal-libelli biexx jipproponu li libelli li jinfetħu kappriċċożament ikunu jistgħu jitwaqqfu mill-qrati fi stadju bikri u l-ġurnalisti jew l-attivisti jkunu ikkumpensati waqt li min jabbuża mill-qrati jkun penalizzat. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu talbiet li ilha tagħmel is-soċjetà ċivili Maltija għal snin u li l-gvern għadu s’issa jinjora.

Repubblika ttenni għalhekk l-appell tagħha lill-gvern għal djalogu mas-soċjetà ċivili u mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti biex fl-aħħar jiġu adottati dawk il-miżuri kollha li kienu jevitaw li tinqatel Daphne Caruana Galizia u li huma meħtieġa biex jipproteġu lill-ġurnalisti, pilastri tad-demokrazija tagħna.