Il-Ministru Silvio Schembri għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-ksur tal-etika.

Ma jistax ikun nibqgħu pajjiż fejn il-ksur tal-kodiċi ta’ etika minn ministru tal-Gvern jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn.

Repubblika tikkundanna lill-ministru Silvio Schembri għall-fatt li nstab ħati mill-Kummissarju mill-Istandards li kiser il-kodiċi ta’ etika tal-ministri u s-segretarji parlamentari u nistennew li huwa jerfa’ r-responsabbiltà għal din l-imġieba ħażina tiegħu.

Il-Kummissarju jsostni fir-rapport tiegħu li din l-imġieba tikser l-imparzjalità tas-servizz pubbliku u fiha l-ministru ma jagħmilx differenza bejn xogħolu bħala ministru għall-pajjiż kollu u bħala membru ta’ partit politiku.

Repubblika tinnota li d-Dipartiment tal-Informazzjoni ġie abbużat mill-Ministru għal skop partiġġjan.

Aħna nistennew li l-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar jiżgura li dan is-servizz ikun imparzjali kif titlob il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu d-dmir li jara li l-ministri tiegħu iġibu ruħhom sewwa u għalhekk huwa obbligat li jieħu passi jekk il-ministru Schembri ma jagħmel xejn.