Repubblika tirreferi għall-mandat ta’ inibizzjoni li permezz tiegħu l-programm Awla – li jixxandar fuq l-istazzjon ONE – twaqqaf milli jxandar intervista ma’ omm vittma ta’ omiċidju.

Repubblika assolutament ma taqbilx u ma tistax taqbel ma’ ebda trażżin tal-libertà tal-espressjoni u, għaldaqstant, tiddefendi bil-qawwa kollha d-dritt tal-ġurnalisti u tal-produtturi tal-programm Awla u tal-istazzjon ONE li jxandru din l-intervista u li jiddiskutuha fil-programm tagħhom.

Repubblika tiddefendi wkoll id-dritt tal-persuna intervistata li ssemmi leħinha u li tgħid tagħha mingħajr ċensura fuq il-mezzi tax-xandir.

Nifhmu l-bżonn ta’ salvagwardja tad-dritt tal-akkużat għal smiegħ xieraq imma dan ma jiġġustifikax li qraba ta’ vittmi ta’ omiċidju ma jitħallewx jitkellmu dwar tbatijiethom.

Għal Repubblika huwa inaċċettabbli f’demokrazija li l-Qorti, jew xi istituzzjoni oħra tal-Istat, tintuża biex tissikket persuna. Dan huwa inaċċettabbli aktar u aktar meta din il-persuna tkun vittma ta’ reat jew qariba ta’ vittma ta’ reat gravi, bħalma ġara f’dan il-każ.