Repubblika tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika imnedija mill-Gvern sabiex jitfassal Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali kontra r-Razziżmu u ż-Żenofobija.

Aktar kmieni dan ix-xahar is-Sgretarja Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi nediet Konsultazzjoni Pubblika “Towards a National Action Plan aganist Racism and Xenophobia”.

Fih hemm identifikati 11-il settur li fihom jeħtieġ li tittieħed azzjoni ….. iżda d-dokument ma fih l-ebda proposta għalihom. Jidher allura li trid tara l-proposti ta’ ħaddieħor qabel ma tiddeċiedi x’għandom ikunu tagħha.

Aħna nikkondividu l-għanijiet u l-prinċipji identifikati fid-dokument, iżda naraw li huma dijatrikament opposti għall-policy u d-diskors tal-kollegi tagħha, partikolarment il-prim ministru.

Repubblika kienet tassew ixxukkjata bil-policies addottati mill-gvern f’Marzu u April 2020, meta żamm milli tingħata għajnuna biex ikunu salvati migranti f’operazzjoni li kienet taqa’ taħt ir-responsabbilità tas-search & rescue command ta’ Malta. Naħsbu li dan in parti wassal għall-mewt ta’ 12 -il bniedem.

Minbarra dawn l-imwiet, il-gvern ta struzzjonijiet sabiex aġenti li joperraw f’ismu illegalment iwettqu push back ta’ migranti oħra lejn il-Libja, fejn dawn ġew arrestati u inżammew f’ħabsijiet imunami.

Id-diskors tal-gvern wassal u inkoraġġixxa razzismu, hate speech u ġustifikazzjoni ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem abbażi tal-kulur tal-ġilda.

Niġbdu l-attenzjoni b’mod partikolari għall-policy li jinzammu migranti f’ħabsijiet fuqil-baħar, f’kondizzjonoijiet inaċċettabbli. Dawn il-bnedmin jinżammu mingħajr aċċess għal assistenza legali u imċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom garantiti mil-liġi internazzjonali. Aħna nifhmu li off-shore detention għada l-policy tal-gvern Malti u ser terġa’ tintuża.

Allura huwa tassew ironiku li f’paġna 8 tad-dokument is-Segretarja Parlamentari tiddenunzja l-fatt li vittmi ta’ reati razzisti sikwiet ma kienux konxji mid-drittijiet tagħhom u kellhom diffikultajiet bil-kumplessità tal-proċeduri biex isiru rapporti. Żgur li kopja ta’ dawn il-proċeduri ma ngħatatx lill-priġunieri fuq il-Captain Morgan fl-2020.

Id-dokument jinnota li fl-2019 it-tielet l-akbar partit f’Malta kellu pjattaforma tal-lemin estrem, li d-diskors pubbliku sar aktar mimli mibgħeda, li s-social media f’Malta mimlija b’kontenut offensiv. Dan il-kumment jinjora l-islogan simplistiku tal-prim ministru li “Malta full up”. U biex ikompli jgħaxxaqha, il-prim ministru iċċara dan il-kumment tiegħu billi qal li bih ma kienx qed jirreferi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropeja jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’mod ġeneriku, iżda speċifikament għall-Afrikani. Din il-kjarifika hi tipika ta’ politikanti tal-lemin estrem. Ma ninsewx li hu l-prim ministru li qed jgħid dawn l-affarijiet xokkanti …. u li allura huma din hi l-policy tal-gvern … li l-gvern lest li jilqa’ migranti minn ċerti partijiet tad-dinja iżda mhux lest isalva bendmin fil-baħar li jkunu ġejjin minn bnadi oħra tal-globu.

Allura qed naffaċċjaw gvern li jirrenkja razez, fejn il-Maltin huma fl-ogħla post u l-bqija jkunu ittollerati f’din l-art. Dan, sfortunatament ifakkarna f’li qal Joseph Muscat sena u nofs ilu, meta qal li jippreferi jara barranin, mhux Maltin, jagħmlu ċertu xogħlijiet, bħal ġbir ta’ skart u xogħol fix-xemx. Dawn il-kummenti mhumiex ’il bogħod minn sistema ta’ l-apertheid.

Id-dokument jirreferi għall-hate speech lampanti fuq is-social media. Ngħidu bla tlaqliq li parti mit-tort għal dan huwa tal-gvern. Il-hate speech unit baqgħat entità ineffettiva b’għażla ċara tal-gvern.

Għalkemm is-Segretarja Parlamentari sfruttat il-qtil razzist ta’ Lasanna Cisse Soileymane, l-armata u l-gvern irrifjutaw li jammettu nuqqas, amministrittaw jew politiku, da parti tagħhom. L-armata taħseb li m’għandha tagħmel l-ebda tibdil fit-training, il-metodu ta’ l-ingaġġ ta’ suldati u l-użu ta’ l-armi sabiex tevita aktar qtil b’motivazzjoni razzjali minn uffiċjali tagħha. Apparti r-ritratti li s-Segretarja Parlamentari ħadet fejn is-Sur Soileymane ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu, ma rajna l-ebda azzjoni konkreta f’dan ir-rigward. L-isfruttar ta’ vittma ta’ qtil razzjali u r-rifjut li wieħed jeżamina jekk kienx hemm falliment amministrittav jew ta’ policy huwa fih inniffsu att razzist.

Fin-nuqqas ta’ proposti fid-dokument li permezz tiegħu ġiet imnedija din il-Konsultazzjoni Pubblika, Repubblika qegħda tippreżenta lis-Segretarja Parlamentari u lill-pubbliku dokument b’konsiderazzjoni u proposti għal diskussjoni.

Dan id-dokument ser ikun aċċessibbli fuq il-website ta’ Repubblika, iżda hawn ser insemmi r-rakkomandazzjonijiet tagħna f’dan ir-rigward:

  • Kull min jgħix Malta għandu jitħalla jieħu sehem fid-demokrazija tagħna.
  • Kull min ikun għex Malta għal numru ta’ snin għandu jkollu l-possibiltà li jaqbad it-triq biex isir ċittadin.
  • Malta għandha timxi mal-liġijiet internazzjonali biex issalva n-nies mill-baħar.
  • Nies minn minoranzi għandhom ikollhom bieb miftuħ għal karrieri fil-gvern, fil-pulizija, fl-armata u fil-ġudikatura.
  • Ix-xandir pubbliku għandu jagħti spazju għal nies ta’ razez u twemmin  differenti.
  • Il-liġijiet kontra d-diskors b’mibgħeda għandhu jiġu infurzati.
  • Il-partiti politiċi li jippromwovu d-diskriminazzjoni għandhom jiġu aboliti.
  • Id-detenzjoni tal-migranti għandha ddum l-anqas possibbli u f’kundizzjonijiet umanitarji. Le għall-ħabsijiet fil-baħar.
  • Il-housing soċjali għandu jingħata priorità u jsir sforz biex ma jkollniex ghettos.
  • Il-politika t’integrazzjoni m’għandhiex twassal biex kulħadd ikun l-istess f’kollox. Għandna nġeddu t-tifsira li “nkunu Maltin”.
  • Għandna nikkonfrontaw l-istorja tagħna u nieqfu naħsbu li l-bojod huma aqwa.
  • L-iskejjel għandhom jgħallmu li d-dinja hi akbar mill-inħawi tagħna.
  • Jinħatar għassies kontra r-razziżmu.
  • Ngħallmu l-Malti u l-Ingliż imma nikkomunikaw ma’ kulħadd b’ilsna li jifhmu.
  • Nagħmlu rotot bla periklu biex inġibu l-familjari ta’ persuni mogħtija ażil f’Malta.
  • “Il-migrazzjoni ekonomika” mhix reat. Politika li taħseb hekk hi immorali.
  • Is-sistemi kriminali u tal-ġustizzja m’għandhomx iħarsu lejn ir-razza u t-twemmin.