Dan ir-rapport ikopri l-perjodu Jannar 2024 sa April 2025.

Xogħol tal-Kumitat

Matul is-16-il xahar li għaddew il-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika ltaqa’ 30 darba. Medjament il-Kumitat jiltaqa’ kull ġimgħatejn biex jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar l-attivitajiet tal-organizzazzjoni u jikkoordina l-attivitajiet tal-voluntiera u l-impjegati tagħna.

F’Marzu 2024 irriżenja minn President u Membru tal-Kumitat ta’ Repubblika Robert Aquilina. Laqgħa tal-Membri sellmet lil Robert f’laqgħa nhar il-15 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet. Minn dakinhar kien hemm xi tibdil ieħor fil-kompożizzjoni tal-Kumitat. Fit-13 ta’ Ġunju 2024, irreżenjat Alessandra Dee Crespo minn Viċi-President u Membru tal-Kumitat Eżekuttiv. Alessandra kienet ilha attiva mit-twelid tal-organizzazzjoni tagħna u attivista li ħadmet ħafna tul is-snin għall-kawża tagħna. Ukoll wara li spiċċat mill-Kumitat, Alessandra kompliet bil-ħidma tagħha fis-soċjetà ċivili. Nirringrazjawha bil-qalb tax-xogħol li għamlet u li għad trid tagħmel b’riżq is-sewwa u l-ġustizzja.

F’dan iż-żmien ukoll issieħbu fil-Kumitat żewġ membri ġodda, Edward Warrington u Sandro Rossi, li ġabu enerġija ġdida u perspettivi ġodda għax-xogħol tal-Kumitat. Nawgurawlhom snin ta’ ħidma.

Fis-6 ta’ Settembru 2024 iltaqgħet Laqgħa Speċjali tal-Membri li kkonfermat lil Vicki Ann Cremona u lil Renato Camilleri fil-ħatriet tagħhom ta’ President u Viċi-President ta’ Repubblika.

Minn Jannar 2024 sal-lum issieħbu f’Repubblika 88 membru ġdid. Nirringrazjawhom li ssieħbu magħna f’dan l-impenn. Nafu li għandna ħafna sostenituri li mhumiex effettivament membri ta’ Repubblika. Is-sħubija fl-assoċjazzjoni tagħna mhix biss ġest simboliku. Hi tweġiba importanti għal min jakkużana li nitkellmu biss f’isimna, u għalina li qegħdin fuq quddiem nirrappreżentaw il-fehma ta’ Repubblika hu importanti li jkollna warajna b’mod iddikjarat in-nies li jinkoraġġuna u li jaqsmu magħna fehmiet u xewqat dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Hemm ukoll il-konsiderazzjoni finanzjarja tal-miżata li għalkemm żgħira tagħmel differenza sostanzjali.

Għalhekk inħeġġukom tħajru lil min tafu li jaqbel magħna biex jissieħeb fl-assoċjazzjoni bħala membru tagħna.

Repubblika hi konformi mar-rekwiżiti regolatorji kollha. Fis-27 ta’ Settembru 2024 l-Uffiċju tal-Kummissarju dwar l-Għaqdiet Volontarji iċċertifikana bħala għal kollox konformi mar-rekwiżiti tal-liġi. Wara l-laqgħa tal-lum inkunu nistgħu nagħmlu s-sottomissjonijiet annwali tagħna biex inġeddu dik iċ-ċertifikazzjoni.

Fit-taqsimiet li ġejjin, ir-rapport jitkellem fuq is-sitt dimensjonijiet ewlenin tal-missjoni ta’ Repubblika: l-attiviżmu fil-qrati, ħidma ċivika, edukazzjoni, attivitajiet pubbliċi, proġetti u sħubija internazzjonali.

Attiviżmu fil-qrati

Repubblika kompliet bil-ħidma tagħha fil-qrati biex, fejn tista’, tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet iwettqu dmirhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, biex tirrapreżenta l-interessi tal-vittmi, u biex tipproteġi d-drittijiet ċiviċi u politiċi fundamentali, partikolarment il-libertà tal-espressjoni.

Kif irrappurtajna fl-imgħoddi tħabatna bis-sħiħ fil-qrati dwar il-każ Pilatus Bank meta deher li l-awtoritajiet difnu dak li sabet inkjesta maġisterjali, biex nies suspettati li wettqu reati serji u li ħammġu isem pajjiżna mad-dinja kollha jiżgiċċaw il-ġustizzja.

Sfidajna lill-Kummissarju tal-Pulizija fil-qorti talli ma ħax azzjoni wara l-inkjesta maġisterjali. Dik l-isfida ġabet battalja fiha nfisha dwar l-għażla tal-maġistrat li semgħet il-każ tagħna. Tlabna li tinbidel il-Maġistrat assenjata għall-każ minħabba li dehrilna li kellha kunflitt ta’ lejaltajiet. Il-qorti ma laqgħetx it-talba li għamilna, u l-Magistrat iddeċidiet kontrina fil-każ li ġibna kontra l-Kummissjarju tal-Pulizija. Fid-deċiżjoni tagħha daret, fil-fehma tagħna inġustament, fuq ix-xhieda li ta l-President Onorarju tagħna Robert Aquilina.

Robert kien jaf ir-riskju li kien qed jieħu meta bix-xhieda tiegħu wera li jaf x’kienet tgħid l-inkjesta maġisterjali. Ir-riskju ħadu kollu fuqu u pproteġa s-sorsi tiegħu b’kuraġġ u mingħajr biża għall-konsegwenzi li seta’ jsofri. Wera biċ-ċar li aħna nobdu l-liġi fedelment, imma ma nħallu lil ħadd jistaħba wara l-liġi biex iwettaq reati kriminali jew biex jgħatti r-reati kriminali ta’ ħaddieħor.

Nifhmu u naqblu li għandu jkun hemm segretezza biex inħallu l-istituzzjonijiet tagħna jaħdmu bl-akbar responsabbiltà f’isimna u f’isem il-ġustizzja. Imma noqomsu meta s-segretezza minflok tintuża biex tinħeba l-kriminalità.

Id-deċiżjoni tal-Qorti li ma tordnax lill-Kummissarju jieħu azzjoni fil-każ tal-Pilatus Bank kienet ikkonfermata mill-Qorti Kriminali li qalet li hu f’idejn l-Avukat Ġenerali li tiddeċiedi għandhiex tittieħed azzjoni fil-każ tal-Pilatus Bank.

Bsarna li hekk kien ser jiġri. Għalhekk tellajna l-qorti wkoll lill-Avukat Ġenerali, billi tlabna lill-Qorti teżamina d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma tressaqx lin-nies identifikati mill-inkjesta maġisterjali dwar il-Pilatus Bank.

Dik ukoll kienet battalja kbira. L-Avukat Ġeneral riedet li l-każ jinstema’ wara l-bibien magħluqa u ġabet kull forma ta’ skuża biex issodd widnejn in-nies. Il-Qorti ma belgħetx l-argumenti tagħha. Imma qabel tiddeċiedi għandniex raġun jew le, il-Qorti trid tiddeċiedi jekk Repubblika kellhiex dritt titlob dan l-eżami ġudizzjarju.

Il-gvern argumenta li aħna m’aħniex vittmi tal-allegati reati li seħħew f’Pilatus Bank: għalhekk staqsa xi dritt kellna nilmentaw? Aħna qed nargumentaw li għalkemm mhux aħna biss vittmi tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus f’Pilatus Bank, imma bħal kulħadd aħna wkoll vittmi u f’isimhom u f’isimna qed nitkellmu u għandna dritt nitkellmu.

Għadna qed nistennew deċiżjoni f’dan il-każ li, apparti li qed jeżamina x’għamlet u x’m’għamlitx l-Avukat Ġenerali, qed jeżamina kif fil-prattika se jitħalla jaħdem il-mekkaniżmu fil-liġi li jippermetti lill-qrati jerġgħu jeżaminaw id-deċiżjonijiet li tieħu l-Avukat Ġenerali.

Kawża twila oħra hi dik li qed nagħmlu flimkien mad-Daphne Caruana Galizia Foundation fil-każ ta’ leaks ta’ informazzjoni personali tal-votanti Maltin identifikati minn xi ħadd jekk aktarx humiex ħbieb tal-gvern jew mhumiex. Għamilna din il-kawża mhux biss għax dan hu ksur tal-privatezza. Din hi ġlieda akbar minn hekk: hi ġlieda kontra l-metodi tal-politika f’Malta fejn partit jittimbrak bi preġudizzju biex jiddiskrimina kontrik u jqabbeż ‘il ħaddieħor fuq id-drittijiet tiegħek.

Sforz kbir ieħor għaddej fil-kawża li għamilna biex nirrappreżentaw lill-vittmi tal-korruzzjoni fil-każ tal-Electrogas. Argumentajna hemhekk li kull min iħallas kont tad-dawl qed iħallas xi ħaġa biex tmur fil-but tal-korrotti li rranġaw dak il-kuntratt. Fl-ewwel Qorti tlifna għax il-qorti qablet mal-gvern li missna morna f’qorti oħra qabel biex nipprovaw nieħdu raġun. Appellajna u konna qed nistennew deċiżjoni sa din il-Laqgħa Ġenerali imma l-Qorti tal-Appell qaltilna nistennew naqra oħra.

Kif tafu wettaqna kampanja twila kontra l-abbozz ta’ liġi li effettivament iċaħħad liċ-ċittadin mid-dritt li jitlob li ssir inkjesta maġisterjali f’każijiet ta’ suspett fondat li seħħ reat kriminali gravi. Issa li għaddiet il-liġi, bi ħsiebna niftħu kawża ġdida biex nitolbu dikjarazzjoni ġudizzjarja li l-liġi tikser il-Kostituzzjoni. Qed nużaw argument stabbilit f’kawża famuża oħra li għamilna fl-istorja tagħna li marret il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li kienet qalet li gvernijiet tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux inaqqsu mill-qafas tas-saltna tad-dritt f’pajjiżhom.

Fil-kawża l-ġdida se nuru kif b’riżultat tal-liġi li l-gvern għadda mill-Parlament, pajjiżna ċċaħħad minn investigazzjonijiet importanti f’każi serji ta’ allegata korruzzjoni. Bħalissa għaddejjin il-prosekuzzjonijiet fil-każijiet tal-Vitals u tal-Electrogas. Iż-żewġ każijiet waslu s’hawn minħabba inkjesti maġisterjali li seħħew wara talba ta’ ċittadini privati. Din it-tieqa għall-ġustizzja issa ssabtet f’wiċċ il-poplu Malti.

Waqt li qed nitkellmu dwar il-qorti, nixtiequ minn hawn insellmu u nibgħatu s-solidarjetà u l-imħabba tagħna lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li għaddejjin mill-kalvarju li jisimgħu mill-ġdid ix-xhieda tal-qtil brutali u barbaru tal-maħbuba tagħhom. Il-ġlieda tagħhom għall-ġustizzja kienet twila wisq u t-tmiem għadu ma jidhirx fuq ix-xefaq. Inwegħduhom li se nibqgħu magħhom kemm hemm bżonn sakemm jistgħu jaraw li l-inġustizzja kbira li qed issir magħhom fl-aħħar tieqaf tittorturahom.

Insellmu minn hawn lil Robert Aquilina li baqa’ jieħu ħsieb b’impenn sħiħ uħud mill-kawżi fil-qorti li semmejt. Insellmu lill-avukati tagħna li jaħdmu mingħajr kumpens u sempliċiment minħabba s-sens ta’ missjoni ċivika li għandhom. Insemmu lil Eve Borg Costanzi, lil Matthew Cutajar, lil Andrew Borg Cardona u lil Therese Comodini Cachia. Insellmu lil avukati oħra li jgħinuna u li għal diversi raġunijiet ma nsemmux b’isimhom. U insellmu lil Jason Azzopardi li hu l-mutur wara ħafna mill-azzjonijiet legali li nieħdu. Nirrangrazjawhom tassew.

Ħidma ċivika

Repubblika hi attiva ħafna fil-promozzjoni tal-valuri u l-fehmiet tagħna bit-tama li x-xogħol tagħna jista’ xi darba jwassal għal bidla mill-qiegħ fil-kultura politika Maltija, biex b’hekk iseħħu bidliet fil-prattika tal-politika u fil-governanza ta’ Malta.

Parti kbira mix-xogħol tagħna tiffoka fuq il-kontribut li ngħatu għall-evalwazzjoni li ssir kull sena mill-Kummissjoni Ewropea tal-qagħda tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Kull sena naġġornaw il-pożizzjoni tagħna b’riċerka u dokumentazzjoni dwar dak li jkun qed jiġri u nfittxu li nispjegaw lill-Kummissjoni Ewropea r-realtà spiss kerha f’pajjiżna. Naħdmu mill-qrib ma’ sħabna f’għadqiet oħra fis-soċjetà ċivili biex filmkien inħejju pożizzjonijiet konġunti fejn dawn jgħinu l-missjoni tagħna.

Snin ilu nħoloq forum maħsub biex is-soċjeta’ ċivili taħdem mal-awtoritajiet għal titjib fl-istat tal-governanza ta’ Malta: dan hu l-programm magħruf bħala Open Government. F’Diċembru 2023 il-gvern qalilna li kien se jagħmel sforz biex jirriattiva dan il-proċess li kien ilu rieqed għaxar snin. Dan il-proċess li jsir b’metodoloġija ta’ koperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili jinkludi t-twaqqif ta’ Multi-Stakeholder Forum li jġib flimkien liż-żewġ naħat. Ma’ għaqdiet oħrajn urejna l-impenn tagħna li naħdmu mal-gvern għall-ġid tal-poplu tagħna.

Bħala Repubblika kellna l-privileġġ li r-rappreżentant tagħna fil-Forum, Manuel Delia, ntagħżel minn sħabna fis-soċjetà ċivili bħala co-chair tal-Forum biex jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili Maltija.

Minkejja t-tama tagħna u l-kontribut li tajna’ l-gvern malajr tilef l-interess fil-proċess u wara żewġ laqgħat waqaf ilaqqa’ ‘l-Multistakeholder Forum. Ma naqtgħux qalbna. Mhux se nħallu lilna nfusna nintużaw bħala skuża tal-gvern għalfejn ma jsirx djalogu mas-soċjetà ċivili. Aħna dejjem hawn biex niddjalogaw: mill-gvern jonqos.

Infittxu kull opportunità biex il-gvern jismagħna minkejja li dejjem jipprova jevitana. F’Ottubru 2024 morna Varsavja biex nieħdu sehem fil-laqgħa tal-OSCE – l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa – li tlaqqgħet taħt il-presidenza ta’ Malta u li kienet miftuħa għas-soċjetà ċivili. Użajna dik l-okkażjoni rari biex inkellmu lill-gvern f’post fejn ma setgħax jevita li jisma’ l-appell tagħna għal djalogu effettiv dwar riformi li jipproteġu lid-demokrazija.

Ukoll f’Ottubru 2024 ippubblikajna l-Manifest u l-Istrateġija tagħna kontra l-Korruzzjoni li qed jixpruna l-azzjonijiet u l-inizjattivi li qed nieħdu u li qed insemmu f’dan ir-rapport.

Minn żmien għal żmien ħriġna dokumenti oħra ta’ politika li servew bħala bażi għal djalogu ma’ għaqdiet oħra tas-soċjetà ċivili, mal-korpi kostitwiti, mal-istampa u mal-pubbliku.

Għal dan ix-xogħol ta’ riċerka nsellmu lill-ħafna volontiera, esperti fil-qasam tagħhom, nies li jew professjonalment jew akkademikament jgħallmuna u jiftħulna għajnejna għal dak li jista’ jsir u jgħinuna niktbu dawn id-dokumenti. Nirringrazzjaw ukoll lill-voluntiera tradutturi u ‘l-qarrejja tal-prova u lil min jgħinna fil-pubbliċità u t-tixrid tar-riċerka li nagħmlu.

Qed ninkludu wkoll fil-prioritajiet tagħna djalogu mal-istituzzjonijiet tal-integrità, jiġifieri l-ombudsman, l-awditur ġenerali, u l-kummissarju dwar l-istandards fil-ħajja pubblika. Fid-9 ta’ Diċembru fakkarna l-Jum Internazzjonali Kontra l-Korruzzjoni b’sessjoni kostruttiva ta’ djalogu mal-mexxejja ta’ dawn l-entitajiet. Tennejna magħhom l-impenn tagħna li nagħtu kontribut siewi fil-ħidma ta’ pajjiżna kontra l-korruzzjoni u tennejna l-appoġġ tagħna għax-xogħol ta’ fejda li jagħmlu.

Din is-sena fost oħrajn ippubblikajna pożizzjonijiet detalljati dwar it-tibdil li għamel il-gvern fil-liġi dwar l-inkjesti maġisterjali u bi tweġiba għal sejħa għall-konsultazzjoni dwar il-volontarjat.

Edukazzjoni

Fl-2024 tennejna l-impenn annwali li nxerrdu l-valuri tad-demokrazija u l-parteċipazzjoni ċivika bil-programm tagħna fl-iskejjel dwar Ċittadinanza Attiva u Responsabbli. It-tema ta’ din ir-raba’ edizzjoni kienet: “Jimpurtani”, il-ħsieb li uża Don Lorenzo Milani fl-iskola tiegħu f’Barbiana.

Nirringrazjaw tassew lill-voluntiera li għenuna din is-sena wkoll, partikolarment lil Mario Grech, Mary Ann Camilleri u Marion Pace Asciak.

Ħadu sehem din is-sena 143 student minn seba’ skejjel differenti u b’etajiet bejn 11 u 17-il sena. Studenti mill-Guardian Angel Secondary Education Resource Centre ħadu sehem b’xogħolijiet artistiċi.

Attivitajiet pubbliċi

Nhar is-sittax ta’ kull xahar, flimkien mal-moviment Occupy Justice, iltqajna quddiem il-Qorti biex intennu s-sejħa tagħna biex tkun magħrufa l-verità u ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, mal-familja tagħha, u mal-investigazzjonijiet ġurnalistiċi tagħha.

F’Ottubru, ukoll flimkien ma’ Occupy Justice, fakkarna s-seba’ anniversarju mill-qtil tagħha wkoll b’Roundtable li ddiskutiet l-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni u l-wiri ta’ dokumentarju ġdid li koproduċejna ma’ Occupy Justice “Untangling the Mafia State”. Kellna magħna lill-ġurnalista Françoise Laborde li għamlet diskors pubbliku u żarna wkoll l-attivist Tiberio Bentivoglio.

Fid-19 ta’ Frar 2024 ipprotestajna quddiem l-Ambaxxata tal-Federazzjoni Russa bi protesta wara l-mewt tal-attivist Alexey Navalny.

Fis-16 ta’ Mejju 2024 organizzajna ma’ għaqdiet oħra protesta biex tinsisti li ssir ġustizzja fil-każ tal-korruzzjoni fl-isptarijiet. Fid-29 ta’ Lulju 2024 ipprotestajna biex nitolbu lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jerfa’ responsabbiltà waqt li qed iwieġeb fil-qorti akkużi kriminali. Fid-19 ta’ Frar u fit-2 ta’ April 2025 ipprotestajna kontra t-tneħħija tad-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesti maġisterjali.

Proġetti

Flimkien ma’ tliet organizzazzjonijiet sħabna fl-Italja, fil-Belġju u fir-Rumanija, wasalna tliet-kwarti tat-triq fit-tlestija tal-akbar proġett finanzjat mill-programm CREA tal-Unjoni Ewropea li qatt għamilna s’issa. Permezz ta’ S-INFO (sustainable information) ipprovdejna taħriġ, opportunitajiet ta’ networking, appoġġ psikoloġiku, u appoġġ ieħor lil ġurnalisti indipendenti Maltin. Fl-istess waqt qarribnihom aktar ma’ attivisti tas-soċjetà ċivili Maltija. Nemmnu bis-sħiħ li l-akbar ġid li nistgħu nagħmlu għad-demokrazija f’Malta hu li nippromwovu l-verità u l-ġurnalisti indipendenti; l-attivisti tas-soċjetà ċivili għandhom il-missjoni konġunta li jġibu l-verità għall-attenzjoni tal-pubbliku.

Fix-xhur li ġejjin dan il-proġett jitlesta b’żewġ eżiti importanti. Fl-ewwel lok jitlestew tminn investigazzjonijiet ġurnalistiċi, tnejn minnhom minn ġurnalisti li qed jaħdmu f’Malta, li appoġġjajna finanzjarjament u b’appoġġ tekniku ieħor. Il-verità se ssir aktar magħrufa. Fit-tieni lok se nibdew kampanja ta’ informazzjoni bit-tema “M’hemm Ebda Demokrazija Mingħajr Ġurnaliżmu” li se tistrieħ fuq Manifesti dwar Informazzjoni Sostenibbli. Il-finanzjament ta’ dan il-proġett jispiċċa aktar tard din is-sena. Hi t-tama tagħna li nsibu fondi biex inkomplu dan ix-xogħol importanti.


Sadattant insellmu u nirrangrazjaw lil Mark Wood, il-project manager ta’ Repubblika, li ħadem tant tajjeb fuq dan il-proġett.

Din is-sena ħdimna wkoll fuq proġett ieħor iffinanzjat mill-programm CERV tal-Unjoni Ewropea jismu RESTART fejn wettaqna riċerka dwar propjetà abbandunata jew ikkonfiskata f’Malta li tista’ u għandha tintuża għal skop soċjali.

Sadattant parti oħra importanti ta’ dan il-proġett isseħħ f’Settembru li ġej meta qed nippjanaw programm ta’ taħriġ għal attivisti żgħażagħ biex inħajjruhom u nagħtuhom l-għodda meħtieġa biex jaħdmu biex jipproteġu d-demokrazija.

Grazzi għal finanzjament tal-programm ERASMUS+ tal-Unjoni Ewropea, Repubblika taħdem mal-organizzazzjonijiet sħabna fin-network CHANCE, Civic Hub Against Organised Crime in Europe. Permezz ta’ dan il-programm nikkoordinaw l-isforzi tagħna biex nikkomunikaw mal-istituzzjonijiet Ewropej waqt li nibnu wkoll ir-relazzjonijiet meħtieġa biex nibqgħu nattiraw finanzjament mill-Unjoni Ewropea. F’Ottubru li għadda ospitajna f’Malta lill-membri ta’ CHANCE għal-laqgħa annwali tagħhom waqt li ssieħbu magħna fit-tifkira tas-seba’ sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wara s-suċċess ta’ proġett pilota s-sena li għaddiet, konsorzju Ewropew immexxi mill-organizzazzjoni Sortition Foundation u li tiegħu Repubblika hi membru, tqabbad mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħżel ċittadini biex jieħdu sehem fl-Assemblej Ewropej taċ-Ċittadini li qed jiltaqgħu fi Brussell. Permezz tal-voluntiera tagħna, li nirringrazjaw mill-qalb, din is-sena qed nibgħatu sitt ċittadini Maltin biex jieħdu sehem fit-tmexxijja tad-demokrazija Ewropea tagħna.

Iċ-ċittadini ma jintgħażlux għax huma ħbieb tagħna. It-toroq fejn immorru nfittxuhom jitilgħu b’lotterija. Kull minn jgħix f’dik it-triq jew viċin hu mistieden jirreġistra. U l-għażla ssir b’lotterija fost dawk li jirreġistraw. Għax nemmnu li d-demokrazija hi ta’ kulħadd: ikun xi jkun il-partit li jħaddnu jew ukoll jekk sa dakinhar qatt ma wrew interess li jieħdu sehem fil-politika.

Sħubija internazzjonali

Kif indikajt aktar kmieni Repubblika ġeddedt is-sħubija tagħha f’żewġ networks Ewropej importanti għall-ħidma tagħna f’Malta u fl-Ewropa. Aħna membri taċ-CHANCE network kif ukoll membri ta’ S-COM, federazzjoni ta’ entitajiet Ewropej assoċjati fil-Belġju għall-promozzjoni ta’ komunikazzjoni u informazzjoni li huma sostenibbli u li jipproteġu u jseddqu l-ilħna ta’ l-iżvantaġġjati.

Repubblika Ġdida

Meta tismagħhom miġbura flimkien dawn huma ħafna attivitajiet, iżda huma ħafna anqas milli hi x-xewqa tagħna li nagħmlu. It-theddida għad-demokrazija hi reali u r-riżorsi, ir-rieda, u l-istamina ta’ min irid jeqridha huma kbar. Kważi x-xogħol kollu li jirnexxielna nagħmlu jsir bil-volontarjat. Għalkemm issa għandna żewġ impjegati minħabba l-finanzjament għall-proġetti tal-Unjoni Ewropea, ħafna mill-ħin tagħhom hu neċessarjament dedikat għat-twettiq ta’ dawk il-proġetti li żgur huma ta’ fejda, imma weħidhom mhumiex biżżejjed biex nilħqu r-riżultati li nixtiequ.

Ir-riżultat li nixtiequ hu li jkollna preżenza suffiċjenti fil-komunità tagħna li tkun tista’ ġġib il-bidla kulturali li naspiraw għal pajjiżna. Għal dan il-għan għandna bżonn aktar flus u aktar dirgħajn bil-kmiem imxammra.

Hu għalhekk dmir tiegħi li ndur fuq kull min jgħidilna nkomplu b’ħidmietna fl-interess tat-tfal tagħna. Aħna l-kbar għixna l-aħjar żminijiet għad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija. Nafu lkoll b’dak li qed jiġri madwarna li l-ġejjieni hu aktar imċajpar. Tħallux din il-fjamma li tkebbset min-nar li qatel lil Daphne Caruana Galizia tintefa’ għax ittraskurajna jew għax qtajna qalbna. Għinuna nibnu Repubblika Ġdida għal Malta Ġdida.

Magħmul illum 9 ta’ Mejju, 2025, fil-Laqgħa tal-Membri ta’ Repubblika, fil-Belt Valletta.