L-allegat attentat ta’ suwiċidju tax-xhud tal-Istat Melvyn Theuma sar f’mument ta’ interess. L-inċident ġara ftit wara li l-Qorti kienet ordnat li t-termini tal-maħfra ta’ Melvyn Theuma jiġu żvelati. Dan il-fatt ġara wkoll ftit qabel li l-avukati ta’ Yorgen Fenech kienu se jibdew jinterrogaw lil Theuma fuq tape li huwa qatt ma tkellem dwaru fejn huwa issuġerit li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar aċċetta tixħim ta’ €30,000 biex Theuma jingħata maħfra. Mela min kellu l-aktar x’jiggwadanja mis-suwiċidju ta’ Theuma? Kien hu li ddeċieda li joqtol ruħu b’idejh jew saritlu xi forma ta’ pressjoni biex jagħmel dan l-att?

L-allegat attentat ta’ suwiċidju jġib aktar domandi: huwa biss l-avukat tax-xhud l-unika persuna disponibbli biex tipprovdi għajnuna morali u psikologika lil xhud tal-Istat? It-testimonjanza reċenti ta’ Theuma fil-Qorti, meta qal li ħajtu spiċċat wara l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia u dikjarazzjonijiet oħra, setgħu jindikaw xi forma ta’ stress psikoloġiku. Qatt kien hemm xi team psikjatriku li nvistah?

Dan l-inċident iqajjem ħafna mistoqsijiet, u jirrikjedi xi risposti f’qasir żmien. Fost dawn nsaqsu dan li ġej:

X’sigurta qegħda tiġi mogħtija lill-imħallfin, avukati, pulizija, xhieda u dawk kollha involuti f’dan il-każ? M’għandhomx jirċievu t-tip ta’ protezzjoni u skorta li tingħata lil persuni essenzjali bħal f’kawżi kontra l-mafja, peress li dak li qiegħed jiġi żvelat huwa ta’ interess nazzjonali? Min se jindaga dan l-att? Għalkemm sibna li l-konferenza stampa tal-lum tat ħafna informazzjoni, il-pulizija trid tagħmel ħafn’aktar biex tegħleb ix-xettiċiżmu tagħna fuq il-mod kif il-pulizija ġiebet ruħha f’dan il-każ. Il-Pulizija ta’ Malta tagħna hija ċertament konxja tal-fatt li għandha rekord pjuttost negattiv f’każijiet bħal dan, fejn ma rnexxiliex iżżomm ħajjin nies importanti f’kawżi oħra. Minkejja s-spjegazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija Gafà li Europol stess ma tridx tipproċedi għal Joint Investigative Team, aħna nibqgħu ninsistu li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li ħarġu mit-testimonjanzi immorru ħafn’aktar ‘l-hemm mill-interess nazzjonali, u għalhekk nibqgħu nsostnu t-talba tagħna li dan it-team jinħoloq. Barra minn hekk, ma jistax ikun hemm xi forma ta’ kollaborazzjoni ma pajjiż iehor, bħal per eżempju li tistaqsa għajnuna minn invesigaturi esperti taljani f’każijiet kontra l-mafja, peress li t-tip ta’ korruzzjoni li qegħda toħroġ tixbaħ ħafna lil dik li s-soltu ssir mill-mafja?

U min se jagħtina t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħna? Il-Pulizija? Il-Prim Ministru Robert Abela? Ma ninsewx li l-persuni l-aktar ssusspettati f’involviment f’affarjiet ta’ korruzzjoni, Keith Schembri u l-Prim Ministru li kellu jwarrab, Joseph Muscat, għadhom qatt ma iffaċċjaw inkjesta fuqhom sal-ġurnata tal-lum. Il-ġlieda biex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja għadha trid tkompli.