Nixtieq nibdew billi nsellmu ‘l-memorja tal-vittmi li mietu minħabba l-imxija tal-Covid-19. Għalkemm hu sinifikattiv li issa nafu li tlifna aktar minn 100 persuna, għalina dawn l-imwiet mhumiex numri. Dawn huma t-telf t’individwi li ħafna minnhom kien baqgħalhom magħna li ma kienx għal din il-marda qerrieda. Warajja hawn mitt siggu vojta li jipprezentaw dawn il-vittmi ta’ Covid-19. Dawn ifissru mitt familja li tilfu ‘l qrabathom u li xejn u hadd mhux se jgibhom lura. Minn qalbna naghtukom il-kondoljanzi taghna ghat-telfa tal-gheziez taghkom.

Imħassbin ukoll għax minkejja l-ottimiżmu tal-gvern ta’ Robert Abela li kull meta jkollu cans jghidilna li “Kollox hu that kontroll”, issa wasalna fil-punt li f’Marzu l-gvern qalilna li ried jevita akkosta ta’ kollox. Suppost kellna nieqfu lit-tsunami biex minflok ikollna nixxiegħa ta’ nies li jieħdu l-marda f’numru żgħir biex is-servizzi tas-saħħa jkunu jieħdu ħsiebhom.

Hu ċar li l-gvern ta’ Robert Abela abbanduna din l-ambizzjoni u issa s-servizzi tas-sahha mhux qed ilahhqu.

Mill-anqas kuljum jiżdiedu 100 każ ġdid ieħor t’infezzjonijiet. Dan hu rifless fir-rati ta’ nies li għandhom bżonn jidħlu l-isptar. Aktar ma jiżdiedu l-pazjenti, aktar jonqsu r-riżorsi għall-kura ta’ kulħadd, mhux biss ta’ pazjenti li ħadu l-Covid-19, imma anke pazjenti ta’ mard ieħor. Dawn huma vittmi li m’hu jgħoddhom ħadd.

Nisimgħu t-tobba li għandhom il-kuraġġ jitkellmu jgħidu li l-politika inkosistenti tal-gvern ta’ Robert Abela, qed twassal għal aktar u aktar imwiet. Il-gvern ilu jibgħat messaġġi kunfliġġenti – jgħid f’nifs li rridu noqgħodu attenti li ma nitteħdux, u f’nifs ieħor li l-mewġ jibqa’ fil-baħar. U dan gieli fl-istess gurnata biex ma nghidux fl-istess nofs ta’ nhar.

Ħudu bħala eżempju l-kampanja biex in-nies tiġi tixtri l-Belt ghal zmien l-Milied. Wara li l-gvern ħabbar il-programm bil-pompa magna kollha biex hawn ikollna l-folol, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li ħadd m’urieh x’hemm ippjanat.

Dan mhux ġenn? Din mhux irresponsabbilta’? Kull min iħaddem f’Malta hu mitlub jara li ma jinġemgħux nies flimkien. U hekk ghandu jkun. Imma l-gvern ta’ Robert Abela jaf ahjar u jorganizza l-folol u l-Ministru tas-Saħħa jgħid li ħadd ma saqsieh x’jaħseb.
Affarijiet li ma jitwemmnux kieku ma tarahomx b’ghajnejk u tismaghhom b’widnejk.
U dan ma jgħoddx biss għall-Ministru. Jidher li l-gvern ta’ Robert Abela waqaf ikellem lit-tobba u ‘l-infermiera għax mhux qed jdoqqulux ghal widnejh. Il-gvern mhux jikkunsidra kemm jifilħu jaħdmu t-tobba u l-infermiera, l-għajja li issa dieħla sew u l-qtiegħ il-qalb li qed tikkawża l-politika traskurata tal-gvern ta’ Robert Abela.

Minflok Chris Fearne u Charmaine Gauci ifasslu l-politika tal-gvern fejn tidhol is-sahha, l-affarijiet issa f’idejn Jason Micallef, Jose Herrera u l-mekkanizmi ta’ Julia Farrugia Portelli. Diga’ nafu fejn iwasslu dawn il-mekkanizmi diga’. M’hemmx ghalfejn inkomplu niskopru iktar. Il-konsegwenzi qed narawhom fl-imwiet dejjem jiżdiedu: dawk li nafu bihom u dawk li ma nafux.
Irridu nafu!
Nesiġu aktar informazzjoni minn dik li qed tingħatalna.

X’inhu l-impatt tar-riżorsi fl-isptar dedikati għall-pandemija minflok il-kura ta’ mard ieħor – il-kanċer, mard tal-qalb, dijabete u kundizzjonijiet oħrajn?

X’inhu l-livell t’infezzjonijiet li meta nilħquh l-isptar ma jkunx jista’ jlaħħaq aktar li jikkura ‘l kulħadd? Ilħaqnih diġà dan il-livell? Waslna biex? Fhiex wasalna? Irridu nafu!

Dawn ir-risposti certament ma rriduhomx minghand min hu ċar li ma jimpurtahx minn saħħitna. Dawn ir-risposti rriduhom mit-tobba li lilhom nafdaw ħajjitna u ħajjet il-morda tagħna.

Zgur li ma rriduhomx minn min qed iqiegħed il-ħajja tan-nies fil-periklu iżda minhand nies li qed jaghmlu minn kollox biex iharsu l-hajja taghna lkoll.
Minn hawn nerggu ntennu l-gratitudni taghna lejn il-frontliners kollha. Hu x’inhu xogholhom.
Waqt li bezigu li l-gvern ta’ Robert Abela jerġa’ jibda jieħu l-imxija tal-Covid-19 bis-serjetà intennu t-tislima ta’ rispett u mħabba tagħna lill-vittmi u lil qrabathom.

Fl-ahhar net naghmlu appell biex niehdu hsieb xulxin, nilbsu l-maskra, inzommu d-distanzi socjali, nahslu jdejna ta’ spiss u nevitaw il-folol ghax huwa evidenti li l-gvern ta’ Robert Abela ma jimpurtahx minna.


Kopja tal-istqarrija ingħatat personalment lill-Prim Ministru Robert Abela wara attivita fi Pjazza Kastilja li matulha tpoġġ ew mitt siggu biex jitfakkru dawk li tilfu ħajjithom bil-Covid.