Repubblika ma taqbilx li Malta tagħti trattament speċjali lill-militar Amerikan billi tidħol fi Status of Forces Agreement (SOFA) mal-Istati Uniti u ma tifhimx għalfejn il-gvern iddeċieda li jieħu din il-miżura. L-ispjegazzjonijiet u ċ-ċaħdiet uffiċjali ma jagħmlux sens u m’hemm l-ebda raġuni loġika għalfejn il-gvern u l-Partit Laburista dawwru ta’ taħt fuq pożizzjoni li ilha stabbilita għexieren ta’ snin.

Repubblika temmen li kwalunkwe interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni ma tistax tinjora l-ispirtu u l-intenzjoni tal-kostituzzjoni:

1. Malta hi stat wieħed u indiviżibbli. Dan ifisser li f’Malta tgħodd liġi waħda li tkun l-istess għal kulħadd. Rari ħafna ssir eċċezzjoni għal dan. Fuq bażi ta’ reċiproċità, Malta teżenta biss lid-diplomatiċi mill-applikazzjoni tal-liġi Maltija. Dan juri kemm hi rari u eċċezzjonali li nitilqu mill-prinċipju li l-liġi hi l-istess għal kulħadd.

2. Malta hi stat li b’mod attiv ifittex il-paċi. (Ara Artiklu 1(3) tal-Kostituzzjoni). Dan ma jfissirx neċessarjament li aħna ostili għal żjajjar militari, jew li jsiru tiswijiet jew fornimenti għal servizzi militari. Imma żgur ifisser li s-servizzi militari ta’ pajjiżi oħra ma jgawdux minn xi eżenzjoni mil-liġi. Il-fatt li jingħata status speċjali lill-militar ta’ pajjiż fuq il-militar tal-bqija tad-dinja hu inkonsistenti mal-valuri kostituzzjonali tagħna.

Anke meta kien hawn bażijiet militari Brittanniċi f’Malta, il-liġijiet ta’ Malta u l-qrati Maltin kellhom ġurisdizzjoni sħiħa fuq reati mwettqa mill-militar Brittanniku.

Fl-1979, il-gvern ta’ dak inhar ipproġetta l-egħluq tal-bażijiet militari Ingliżi bħala “ħelsien”. Jekk kien hemm ħelsien ta’ xi forma dakinhar, dak kien minħabba li l-liġi Maltija u l-ġurisdizzjoni Maltija bdiet taħdem fit-territorju Malti kollu inkluż fil-postijiet li kienu bażijiet militari bħal Pembroke jew l-Imtarfa.

Bis-SOFA, il-gvern qed ireġġa lura dak il-“ħelsien” u jwaqqaf l-applikazzjoni ugwali tal-liġi Maltija kif kien il-każ qabel l-1979, din id-darba skont in-nazzjonalità tal-persuna.

Ma nistgħu qatt nifhmu għalfejn jekk suldat Franċiż jew Ċiniż itik daqqa ta’ sikkina jew jagħmel ħsara lill-propjetà ta’ xi ħadd f’Malta dak jitressaq quddiem il-qrati Maltin, imma jekk suldat Amerikan jagħmel l-istess ħaġa eżatt, dak ma jkun jista’ jmissu ħadd.

Apparti dan kollu, dan hu episodju ieħor ta’ governanza oxxena u mod ħażin ferm ta’ kif issir il-politika f’Malta.

Il-Partit Laburista ilu kategoriku ħafna dwar din il-materja. F’Ġunju 1988, il-Partit Laburista organizza imblokk tal-Port il-Kbir biex ma jitħalliex jidħol l-aircraft carrier tar-Renju Unit l-Ark Royal. Fl-1991, il-Partit Laburista, iddikjara l-politika li suldati Amerikan lanqas biss għandhom jitħallew jirfsu Malta. Fl-1996, il-Partit Laburista oġġezzjona bil-kbir li jissewwew vapuri militari Amerikani fit-Tarzna tant li minħabba li dak inhar it-Tarzna kienet ikkontrollata mill-Partit Laburista, ix-xogħol ma sarx. L-ewwel att tal-Prim Ministru Alfred Sant meta laħaq fit-28 ta’ Ottubru 1996, kien li jinnotifika lill-Istati Unit li Malta ħarġet mill-Partnership for Peace man-NATO.

Fl-2011, Wikileaks kienu ppubblikaw komunikazzjoni interna tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan. Dawk il-leaks kienu wrew li l-Istati Uniti kienu qed jagħmlu pressjoni fuq Malta għal Status of Forces Agreement (SOFA). Għax impjegat tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienet anqas minn kategorika li Malta ma kinitx se tidħol għal dan il-ftehim, il-kelliem Laburista George Vella qajjem putiferju fil-Parlament. (Ara minuti tal-Parlament tat-30 ta’ Novembru 2011 u minuti tal-Kumitat Permanenti tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament tat-12 ta’ Ġunju, 2012).

Dak inhar il-kelliem tal-Partit Laburista:

a. ikkritika lill-gvern għax qal li tkellem mal-Amerikani mingħajr ma kkonsulta l-Oppożizzjoni;

b. ikkritika lill-gvern għax qal li din mhix materja tal-gvern, imma tal-parlament kollu.

Nixtiequ għalhekk inkunu nafu llum x’inhi l-pożizzjoni tal-President George Vella kemm bħala persuna li ideoloġikament għamlet karriera ostili għal dan it-tip ta’ ftehim u kemm bħala l-“gwardjan tal-kostituzzjoni” mhux biss fl-ittra imma fl-ispirtu tagħha.

Il-Partit Laburista għandu kull dritt jibdel il-politika tiegħu jekk bidel fehmtu. Imma ma nafu li saret ebda diskussjoni miftuħa fil-Partit Laburista biex isir u-turn bħal din fil-prinċipji ideoloġiċi – paċifisiti u mbiegħda minn assoċjazzjoni militari – tal-Partit.

Il-Kapijiet tal-Partit Laburista m’għandhom l-ebda dtitt jibdlu l-ispirtu tal-Kostituzzjoni. F’pajjiż demokratiku, dan isir fil-Parlament u fil-miftuħ u mhux bil-moħbi bejn erbgħa min-nies u l-pajjiż jiġi ppreżentat b’deċiżjoni meħuda.

Il-gvern għandu kull dritt u d-dmir jippromwovi r-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra. Iżda fuq pożizzjonijiet li dwarhom kellna konsensus Parlamentari u nazzjonali għal għexirien ta’ snin, il-gvern għandu jikkonsulta qabel idawwar ir-rotta kompletament.

Il-gvern qed jiċħad li ċeda għall-pressjoni tal-Amerikani biex jaqbżu għal Malta mal-Financial Action Task Force kif ġie rappurtat mill-media. Iċ-ċaħdiet tal-gvern (u nistennew li l-gvern Amerikan issa jiċħadhom ukoll) mhumiex kredibbli.

Mill-2013 ‘l hawn, il-gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela farrak ir-reputazzjoni ta’ Malta mad-dinja u ċaħdilna l-kredenzjali u l-kreddibiltà kollha. Biex issaltan l-impunità tal-klikka li l-President George Vella anqas minn sena ilu qal li ħatfet lil Malta, ġabu lil dan il-pajjiż il-laundromat tal-kriminali. Issa l-gvern iddisprat biex jevita grey listing għal Malta. U possibilment il-gvern hu ddisprat li jevita konsegwenzi fil-qrati Amerikani għall-persuni responsabbli minn dan id-diżastru.

Dejjem kien diffiċli li pajjiż żgħir bħal tagħna jirreżisti l-pressjoni tal-gvern Amerikan. Imma s’issa kien irnexxielna. Żammejna s-sovranità tagħna. Il-liġi ta’ Malta baqgħet il-liġi li taħdem f’Malta għal kulħadd.

Issa jidher li suldati Amerikani se jkunu jistgħu jimxu fit-toroq tagħna b’armi li jidhru jew moħbijin mingħajr ma jridu jagħtu kont lil xi awtorità Maltija. Il-pulizija Maltija ma tkunx tista’ tiqfilhom u jekk jiksru l-liġijiet ta’ Malta jew jużaw l-arma tagħhom illegalment u b’mod abbużiv, il-qrati tagħna anqas biss ikunu jistgħu jħarsu lejhom.

Jekk il-gvern jiffirma dan il-ftehim, ikun feda d-dejn morali li akkumula mill-2013 ‘il hawn billi biegħ il-ħelsien tal-pajjiż.