Il-pajjiż għandu dritt ikun infurmat fuq dak li qed jiġri fil-każ ta’ Keith Schembri

Repubblika temmen li l-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dmir jinfurmaw lill-pubbliku dwar dak li qed jiġri fl-istħarriġ ta’ reati li allegatament hu involut fihom l-ex-Chief of Staff tal-allura Prim Ministru Joseph Muscat u oħrajn.

Repubblika tapprezza l-kumplessità tal-investigazzjoni, il-ħtieġa li jsir kollox kif suppost biex kulħadd jieħu li ħaqqu, u l-bżonn tar-rispett ta’ kunfidenzjalità ta’ xi informazzjoni li għad s’issa tkun meħtieġa tibqa’ mistura sakemm jintemm l-istħarriġ.

Iżda l-awtoritajiet għandhom japprezzaw dan li ġej:

  1. Il-fatti bażiċi dwar dawn l-allegati reati ilhom magħrufa mill-2017;
  2. Kif kien konfermat minn testimonjanza li saret fil-pubbliku fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-pulizija u l-awtoritajiet għal 2 snin ma ridux jinvestigaw u jaġixxu fuq dawn l-allegati reati;
  3. Keith Schembri mhux persuna kwalunkwe: kien l-aktar uffiċjali mhux elett b’poter politiku effettiv fil-gvern ta’ Malta bejn l-2013 u l-2019;
  4. Id-dewmien li kellna s’issa iqajjem is-suspett raġjonevoli li Keith Schembri u oħrajn kellhom kull opportunità biex jaħbu jew jeqirdu l-provi li jistgħu jintużaw kontrihom. Din il-preokupazzjoni għadha hemm.

Għalhekk nippretendu li f’dawn il-mumenti delikati, tingħata informazzjoni ċara, komprensiva u lill-mezzi kollha tal-komunikazzjoni mingħajr diskriminazzjoni. Dan biex din l-investigazzjoni ma tibqax logħba politika milgħuba mis-simpatizzanti politiċi tas-suspettati maħsuba biex tiggarantixxi l-impunità lil kriminali.

Nafu per eżempju li nhar it-Tnejn Brian Tonna u Karl Cini fost oħrajn inżammu mill-Pulizija. Issa li għaddew it-48 siegħa, x’ġara?

Min hu arrestat? Min hu rilaxxat bl-avviż tal-pulizija? X’inhuma r-reati mistħarrġa?

I-pajjiż jistħoqqlu risposti uffiċjali għal dawn il-mistoqsijiet.