Repubblika tqis li mhux biżżejjed li l-familja Gasan tiddikjara li qed tara kif toħroġ mill-Electrogas, għalkemm dan huwa pass tajjeb.

Il-ġerħa nazzjonali tal-kuntratt maħmuġ tal-power station ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi li jidher li għandu rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tesiġi li tkun magħrufa il-verità sħiħa u li ssir ġustizzja fejn kulħadd jirrispondi għal dak li għamel.

Nistennew li l-familja Gasan verament toħroġ il-verità sħiħa dwar

  • kif inħema dan il-kuntratt;
  • il-laqgħat li saru qabel, waqt u wara il-proċess tat-tender
  • arranġamenti dwar shareholding li jindikaw li kien hemm flus li kienu ser igħaddu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi fost l-oħrajn;
  • ir-relazzjoni ma’ 17 Black;
  • u kull aspett ieħor marbut ma’ din il-fabbrika ta’ korruzzjoni.

Repubblika tfakkar li minbarra l-familja Gasan hemm involuti wkoll il-familja Fenech, il-familja Apap Bologna, SOCAR u Siemens.

Nistennew li dawn ukoll iwettqu l-obbligu tagħhom biex jinħatt dan il-monument ta’ korruzzjoni li Daphne Caruana Galizia ħallset għalih b’ħajjitha u l-poplu Malti qed iħallas għalih meta jħallas il-kontijiet tal-elettriku.