REPUBBLIKA TIPPUBBLIKA PROPOSTI GĦAL RIFORMA TAL-PARLAMENT

Repubblika llum indirizzat lill-Ispeaker tal-Parlament, kopja ta’ dokument bil-proposti tal-organizzazzjoni għal riformi Parlamentari.

Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina dal-għodu fakkar kif din is-sena l-Parlament Malti jagħlaq 100 sena. Minkejja li l-Parlament jaħdem f’bini ġdid għad mgħobbi bi prattiċi antikwati u li ma jgħoddux għad-demokrazija tal-lum.

Dawn id-difetti qed jiġu sfruttati mill-gvern biex il-Parlament ma jkunx jista’ jservi l-missjoni tiegħu li jissorvelja u jservi ta’ kontro-bilanċ għall-poter tal-gvern. F’dawn l-aħħar snin rajna l-istituzzjoni Parlamentari maħtufa mill-gvern li llum saħansitra jimpjega aktar minn nofsu.

Hu għalhekk li Repubblika qed tipproponi li parti prominenti mir-riformi Kostituzzjonali li ilhom imwiegħda mill-2013, ikunu riformi demokratiċi li jsaħħu ‘l-Parlament.

Fid-dokumenti li ħejjiet, Repubblika tagħmel analiżi dettaljata tal-isfidi tal-Parlament li jeħtieġu jkunu indirizzati.

Madankollu Repubblika tirrikonoxxi li l-korruzzjoni, l-impunità u l-oltraġġ għad-demokrazija meta nqatlet Daphne Caruana Galizia huma anqas konsegwenza ta’ difetti fid-disinn istituzzjonali u wisq aktar konsegwenza tal-volontà ta’ persuni fil-poter li jwettqu azzjonijiet korrotti u kriminali u ta’ persuni b’poteri Kostituzzjonali li beżgħu jew preferew ma jaġixxux.

Sa din il-ġimgħa stess rajna lill-Ispeaker Anġlu Farrugia iliġġem setgħet espressi tal-Parlament li jiċċensura Parlamentari korrotti għax ipprefera jpaxxi lil Joseph Muscat flok jaqdi dmiru skont il-liġi.

Repubblika tirrikonoxxi wkoll li m’hemm ebda mudell Kostituzzjonali infallibbli jew perfett. Dak li ġara f’Washington ftit ġranet ilu juri li anke l-aktar Kostituzzjonijiet sofistikati jistgħu jitfarrku taħt il-vjolenza u l-intimidazzjoni.

Qed nagħmlu dawn il-proporti ta’ tibdil b’umiltà, mingħajr ma naħsbu li ma jistax ikun hemm ideat aħjar minn tagħna. Iżda ninsistu li r-realtà preżenti mhix taqdi l-ħtiġijiet tad-demokrazija tagħna, u jeħtieġ li ssir diskussjoni serja dwar tibdil.

Il-proposti tagħna jridu Parlament li jkollu s-setgħa u l-mezz li jikteb il-liġijiet ta’ pajjiżna u jieħu sehem serju fil-kitba tal-liġijiet tal-Ewropa. Li hawnhekk ikunu rappreżentati l-kostitwenzi Maltin u Għawdxin b’mod verament proporzjonali. Li l-Parlament ma jkunx it-tapit taħt saqajn il-gvern imma l-għassies fuq dahru.

Qed nipproponu għalhekk li jkunu separati l-President u l-Parlament u li nikkunsidraw li nżidu l-poteri tal-President li jerġa’ jitlob lill-Parlament jikkunsidra mill-ġdid liġijiet ġodda li ma jaqbilx magħhom jew li jirreferi lill-Qorti Kostituzzjonali liġijiet li jaħseb li huma illegali. Iżda dawn il-poteri jridu jiddaħħlu f’qafas demokratiku u qed ngħid li għandna nikkunsidraw elezzjonijiet diretti għall-President kif jiġri fil-parti l-kbira tad-demokrazija parlamentari Ewropej.

Qed nipproponu li r-rwoli ta’ Deputat Parlamentari u ta’ Ministru tal-Gvern jinfirdu u li l-Ministri jiġu hawn biex iwieġbu għall-iskrutinju tal-Parlament, mhux biex jiddeċiedu l-aġenda tiegħu u jaħkmu fuqu.

Qed ngħidu li d-demokrazija ta’ Malta hi kumplessa biż-żejjed biex ikollna Ministri u Imħallfin full-time, dedikati fuq is-servizz pubbliku li jgħatu. Qed ngħidu li l-istess għandu jkun għall-Parlamentari li għandhom jitħallsu paga diċenti li tiġġustifika l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom għal dan il-mistier.

Qed nipproponu li titneħħa d-diskrezzjoni tal-prim ministru meta għandha ssir elezzjoni parlamentari.

Qed nipproponu li jkollna kwota minima nazzjonali għall-partiti politiċi fil-Parlament li meta tintlaħaq fuq bażi nazzjonali tiggarantixxi lil kull partit, siġġijiet Parlamentari.

Dawn il-proposti flimkien ma’ għexieren oħrajn inklużi fid-dokument qed jitpoġġew għal diskussjoni nazzjonali serja, iżda urġenti. M’għandhomx jgħaddu 100 sena oħra biex ikollna demokrazija mġedda li tirrifletti tassew il-bżonnijiet tal-lum u li tibbalanċja lill-eżekuttiv u tneħħi r-riskju serju t’awtokrazija.