Repubblika hi mistgħaġba bil-kapaċità tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali li meta jridu jgħaġġlu u jkaxkru lil min jażżarda jikkonfronta ‘l ħbieb tagħhom fil-politika bil-qawwa kollha tal-liġi.

L-applikazzjoni inugwali u diskriminatorja tal-liġi hi abbuż u ksur tas-saltna tad-dritt. Dan aktar u aktar meta l-liġi qed tintuża biex tikkastiga kittieb li ippreżenta l-provdi li ġew f’idejh biex jiddefendi ruħu minn libell li sarlu għax qal il-verità.

Dak li qal Mark Camilleri dwar id-Deputat Rosianne Cutajar kien fl-interess pubbliku li jsir maħruf għax kien jitratta l-imġieba u l-attitudni għall-korruzzjoni ta’ deputat tal-gvern, darba viċi-Ministru.

Għax qalu, Rosianne Cutajar għamliltu libell biex tiksreditah u biex taqtgħalu qalbu.
Rosianne Cutajar għamlet libell meta kienet taf li dak li kien allegat fil-konfront tagħha hu veritjier. Id-difiża ta’ Mark Camilleri hi l-prova tal-verità tal-fatti li stqarr.

F’kemm ili ngħidlek il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali lestew każ kontra Mark Camilleri quddiem l-Imħallef biex jiġi proċessat għal disprezz.

Iżda għar-reati ippruvati li kiteb fuqhom u li l-provi tagħhom ilhom għand il-Pulizija mill-2019, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għadhom anqas ħarġu mis-sodda.

Il-prosekuzzjoni ta’ Mark Camilleri hi attakk ieħor fuq id-dritt taċ-ċittadini Maltin li jkunu jafu kif l-uffiċċjali li jeleġġu jonfqu flus in-nies u kif jiftħu l-bieb għall-kriminali u l-mafjużi. L-istituzzjonijiet tal-Istat għal darb’oħra huma ingwanta tal-ħadid imlibbsa fuq il-ponn tal-kriminali.

Repubblika ttenni s-solidarjetà ma’ Mark Camilleri u ser tuża l-mezzi kollha tagħha biex timmobilita appoġġ għall-ħelsien tiegħu minn dawn l-akkużi fiergħa.

Insejħu lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba biex jingħaqdu ma Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com fi protesta kontra dan l-aġir anti-demokratiku għada fis-6pm fi Triq ir-Reoubblika, fil-Belt Valletta.