Repubblika tesprimi tħassib dwar id-digriet tal-Maġistrat Rachel Montebello li l-bieraħ effettivament ikriminalizzat il-ġurnaliżmu meta ordnat investigazzjoni u azzjoni dwar disprezz tal-Qorti għax ġurnalisti irrappurtaw diskursati ta’ Yorgen Fenech ma’ nies fil-politika u fl-amministrazzjoni.

Ma kien hemm xejn fir-rappurtaġġ tal-ġurnalisti li jista’ b’serjetà jitqies ta’ preġudizzju għad-dritt ta’ Yorgen Fenech li jingħata smiegħ xieraq dwar l-akkużi relatati mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għalhekk isaltan id-dritt tal-pubbliku li jkun jaf bir-relazzjonijiet intimi u inaċettabbli li kellhom jew għandhom ma’ Yorgen Fenech nies fil-politika u fl-amministrazzjoni pubblika.

Id-digriet tal-Qorti tal-bieraħ irendi l-istituzzjonijiet tal-pajjiż bħala ċensura, għodda f’idejn Yorgen Fenech biex isikket lill-ġurnalisti u jikkastigahom meta jikxfuh. Hu ironiku li dan qed jiġri waqt li Yorgen Fenech hu akkużat li diġà qatel ġurnalista għall-istess għan.

Repubblika tappella għas-soliderjetà mal-ġurnalisti li jaqdu dmirhom u li b’xogħlhom jassiguraw ir-rispett ta’ kulħadd li jkun infurmat b’x’qed jagħmlu l-politiċi li jafdaw.

Ser nagħmlu minn kollox biex nipproteġu lill-ġurnalisti u li ma nħallux l-Istat, anke permezz tal-Qrati, joħnoq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni.