Numru t’attivisti ta’ Repubblika illum ressqu rikors Kostituzzjonali biex jitolbu l-Qorti tiddikjara li l-korruzzjoni fil-kuntratt tal-Electrogas qed tiswa ħlasijiet żejda lill-konsumaturi f’kull kont tal-elettriku li jirċievu.

L-attivisti qed jitolbu lill-Qorti tordna li titħallas lura d-differenza żejda fl-ispiża fil-kontijiet frott il-korruzzjoni u tirrokonoxxi li l-aġir tal-Istat fil-każ tal-elettriku jikser id-drittijiet tal-bniedem.

Din hi inizjattiva oħra fil-Qrati tal-attivisti ta’ Repubblika li jfittxu ġustizzja għaċ-ċittadini kollha meta l-Istat jabbuża mill-poteri tiegħu, jew jikser id-drittijiet ta’ kulħadd.

Il-korruzzjoni għandha l-vittmi u fil-każ tal-kuntratt tal-Electrogas il-vittmi huma dawk kollha li jħallsu kont tal-elettriku.

Minkejja rivelazzjoni tal-ġurnalisti, l-ewwel waħda fosthom Daphne Caruana Galizia li nqatlet waqt li kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni fil-każ tal-Electrogas; minkejja rapport skjaċċanti tal-Awditur Nazzjonali li sab li lkoll qed inħallsu ogħla għax marbutin mal-Electrogas; minkejja xhur u snin ta’ protesti, il-gvern m’għamel xejn biex ixolji kuntratt imsejjes fuq il-korruzzjoni u allura invalidu. Ta’ din in-nuqqas t’azzjoni jħallas kull konsumatur tal-elettriku.

Din hi inġustizzja li teħtieġ tiġi indirizzata.

L-azzjoni ta’ Repubblika hi wkoll parti mill-isforz tagħna li nimbuttaw l-istituzzjonijiet Maltin biex jimplimentaw il-liġijiet tagħna u jrażżnu l-frodi finanzjarja u l-korruzzjoni. Dan missu jagħmlu minn jheddu l-gvern, iżda l-gvern hu korrott minn egħruqu. Hu għalhekk li Malta għandha r-reputazzjoni li hi waħda minn ftit ġurisdizzjonijiet fid-dinja li mhux fdati għal tranżazzjonijiet finanzjarji.

Miċ-ċokon tagħna, bħala attivisti tas-soċjetà ċivili, qed nagħmlu kull ma nistgħu biex f’Malta ssaltan il-ġustizzja u tkun miġġielda bis-serjetà il-korruzzjoni.

L-attivisti ta’ Repubblika huma rappreżentati f’dan il-każ mill-Avukat Edward DeBono. Mehmuża kopja tal-applikazzjoni.