Repubblika tieħu nota tal-ittra li kiteb il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika lill-Ispeaker wara d-deċiżjoni li ħa l-Ispeaker li r-rapport tal-Kummissarju dwar l-imġieba bla etika ta’ Joseph Muscat jiġi rifjutat u jinħeba.

Hu ċar li l-Ispeaker eċċeda l-poteri tiegħu skont il-liġi u ħa sehem b’mod prominenti f’attentat biex tiġi imminata istituzzjoni mwaqqfa b’liġi biex tassigura standards etiċi fil-ħajja pubblika.

Hu ċar li Anġlu Farrugia xjentement aġixxa biex tinżamm sigrieta investigazzjoni magħmula skont il-liġi għal raġunijiet purament partiġġjani u biex jipproteġi lil Joseph Muscat.

Li wieħed jaħbi u jiskuża imġieba kontra l-etiku, hu minnu nnifsu mġieba li mhix etika.

It-twiddiba tal-Kummissarju George Hyzler lill-Ispeaker Anġlu Farrugia hi kategorika u li ma tħalli l-ebda lok għal dubju.

Il-pożizzjoni ta’ Anġlu Farrugia bħal Speaker tal-Parlament hi għal kollox intenibbli.

Repubblika titlob ir-riżenja immedjata ta’ Anġlu Farrugia.