Repubblika llum ippubblikat “Repubblika Li Taħdem”, abbozz ta’ programm ta’ ħames snin għal tiġdid demokratiku għas-snin 2026-2031. Id-dokument qed jinħareġ għal konsultazzjoni pubblika maċ-ċittadini li huma mistiedna jagħtu l-fehma tagħhom fis-sitt ġimgħat li ġejjin qabel verżjoni finali se tingħata lill-partiti politiċi li se jikkontestaw l-elezzjonijiet ġenerali fl-2026.
Qrib Jum ir-Repubblika, Repubblika qalet li l-inizjattiva hi tweġiba għat-tnawwir fil-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet, fallimenti ripetuti biex isaltan id-dritt, indħil politiku f’entitatjiet li jgħassu fuq l-integrità, pressjoni fuq il-ġurnalisti, u l-konsegwenzi soċjali u ambjentali ta’ governanza dgħajfa. Waqt li l-istorja kostituzzjonali u t-tradizzjoni demokratika ta’ Malta jagħmluna kburin, Repubblika qalet li dawn ma jsostnux irwieħhom weħidhom u jeħtieġu tiġdid intenzjonat.
Repubblika emfasizzat li d-dokument mhux manifest ta’ partit u lanqas mhu pjan konkluż. Minflok dan hu qafas li jaħseb għal riformi prattiċi li jistgħu jitwettqu minn kwalunkwe gvern impenjat li jassigura l-integrità tad-demokrazija. Il-proposti huma dwar tibdil istituzzjonali konkret u mhux dikjarazzjonijiet astratti ta’ prinċipju. Il-proposti jistgħu kollha jitwettqu f’Parlament ta’ ħames snin.
Id-dokument jiġbor snin ta’ evidenza u esperjenza, jitgħallem minn dak li sabet l-inkjesta pubblika Daphne Caruana Galizia, rakkomandazzjonijiet ta’ entitajiet Ewropej u internazzjonali, impenji li saru mill-partiti politiċi qabel elezzjonijiet preċedenti li iżda ma twettqu qatt, u l-konsegwenzi fuq individwi u komunitajiet tan-nuqqasijiet fil-governanza. Repubblika qalet li d-dokument mhux riflessjoni ta’ xi ideoloġija iżda l-ġabra tat-tgħalimiet dwar dak li jiġri meta l-istituzzjonijiet jitħallew jinħatfu.
Fil-qalba tiegħu, id-dokument “Repubblika Li Taħdem” hu organizzat fuq sitt pilastri tematiċi li jitkellmu dwar kif il-poter jinżamm u kif jinżamm limitat, kif il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter huma mistħarrġa u kkastigati, kif ċittadini u ġurnalisti jaraw li min hu fil-poter iwieġeb t’għemilu, kif l-interess pubbliku għandu jitħares mill-ħatfa privata, u kif id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza huma infurzati. Flimkien il-proposti jfittxu bilanċ aħjar bejn awtorità u kontabilità biex ikollna repubblika li tiffunzjona.
Repubblika ċċarat li dan hu programm magħmul minn komponenti differenti li jistgħu jiddaħħlu biċċa biċċa. Ir-riformi jistgħu jiddaħħlu f’fażijiet fuq medda ta’ żmien u kull gvern għandu jkun jista’ jagħmel il-prijoritajiet tiegħu b’responsabbiltà fiskali. L-organizzazzjoni fakkret li ħafna mill-proposti m’għandhomx impatt fuq in-nefqa pubblika. Jeħtieġ iżda rieda politika, riformi legali u użu aħjar tar-riżorsi biex maż-żmien niffrankaw il-flus li naħlu fuq il-korruzzjoni u l-konsgwenzi tagħha.
Repubblika qed tistieden lil membri tal-pubbliku biex jaraw l-abbozz b’għajnejn kritiċi u jipproponu titjib, jissuġġerixxu aktar riformi, jew jispjegaw għalfejn ma jaqblux ma’ dak propost. Repubblika qalet li tistenna li jkun hemm min ma jaqbilx u dan hu parti neċessarja tal-ħsieb demokratiku, mhux xi difett tal-proċess.
Wara l-konsultazzjoni, id-dokument se jinbidel u jingħata b’mod formali lill-partiti politiċi li se jintalbu jgħidu għal-liem proposti lesti jimpenjaw irwieħhom. Repubblika qalet li d-dokument ma jinformax biss lid-dibattitu ta’ qabel l-elezzjoni imma huwa objettiv ta’ kontabilità għal-leġiżlatura li jmiss.
“Kull repubblika ma tinżammx ħajja biss bl-anniversarju u ċ-ċerimonji,” stqarret Repubblika. “Hi sostnuta minn istituzzjonijiet li jaħdmu, liġijiet li jitħaddmu, u impenn mifrux biex nipproteġu lid-dinjità umana. Il-konsultazzjoni hi stedina biex jissawwar il-ġejjieni.”
12.12.2025