Repubblika tilqa’ rimarki magħmula mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Dunja Mijatovic u tingħaqad mal-appell tagħha biex tieqaf il-prattika illegali li migranti li jinstabu fl-ibħra taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta jintbagħtu l-Libja mingħajr ma jingħataw ċans jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu kenn f’pajjiżna.

Dunja Mijatovic illum għamlet appell lill-membri tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluża Malta, biex jieħdu pożizzjoni kontra l-pushbacks u jopponu kull attentat li din il-prattika illegali tiġi legalizzata.

Dan hu appell li għandu jmur dritt għand il-Prim Ministru Robert Abela li ftit ilu iddefenda fil-qorti il-pushback ta’ aktar minn 50 migrant lejn il-Libja u qal li din kienet deċiżjoni skond il-liġi. Meta kien seħħ dan, fl-Għid tal-2020, Repubblika kienet ilmentat mal-pulizija li l-pushback ta’ aktar minn 50 migrant lejn il-Libja b’dgħajsa mqabbda għal dan l-iskop mill-awtoritajiet Maltin, f’missjoni kkordinata minn Malta fl-ibħra ta’ responsabbiltà ta’ Malta kien att illegali. Iżda inkjesta maġisterjali tal-Maġistrat Joe Mifsud kienet ikkonkludiet li l-gvern Malti u l-kaptan tad-dgħajsa li qabbad il-gvern Malti m’għamlu xejn ħażin.

Repubblika ma qablitx u ma taqbilx ma’ din id-deċiżjoni. Nirreferu għal diversi sentenzi ta’ qrati differenti Ewropej li kkonkludew li pushbacks huma illegali. Nirreferu b’mod partikolari għal sentenza ta’ ftit ġranet ilu ta’ qorti f’Napli li bagħtet kaptan ta’ dgħajsa sena ħabs wara li ħa lura aktar minn mitt migrant lejn Tripli.

Hu għalhekk li Repubblika qed tappoġġja lill-vittmi tal-pushback li twettat bl-ordni tal-Prim Ministru Robert Abela f’April 2020 fil-kawża li ressqu għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Intant, kif għamlet il-Kummissarju Mijatovic, intennu li l-gvern Malti għandu jieqaf jinnormalizza l-illegalità tal-pushbacks li ċċaħħad lil persuni vunnerabbli għall-aħħar mid-drittijiet l-aktar bażiċi u umani tagħhom minbarra l-periklu ċar li fih din il-politika tqiegħed ħajjithom.