Repubblika tikkundanna l-attakki kunċertati li qed isiru biex jintimidaw, jattakaw u jfixklu lil min qed jaħdem favur is-salta tad-dritt ġewwa pajjiżna.

Dawn l-attakki qed isiru dejjem aktar gravi u illum xi ħadd ħoloq website (spoof) biex tgħawweġ il-website ta’ Manuel Delia.  Qabel dan saru diversi attakki biex jiwaqqfu din il-website.

Repubblika tikkundanna dawn l-attakki u tistqarr l-appoġġ tagħha ma’ Manuel Delia u ma’ kull ġurnalist ieħor.

Huwa ċar li dan l-att kriminali huwa parti minn programm maħmuġ aktar wiesa’.

Dawn l-aħħar ġranet xi ħadd beda jibgħat emails mimlija gideb u tgħawwiġ taparsi li mibgħuta minn uffiċjali ta’ Repubblika.  Flimkien ma’ dawn l-attakki diġitali, dan l-aħħar żmien qed ikun hemm theddid ieħor.

L-awtoritajiet mhumiex hemm biss biex jikkmandaw iżda wkoll biex iħarsu liċ-ċittadini kollha u biex jipproteġu id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt tal-espressjoni u d-dritt  tal-assoċjazzjoni.

Aħna nistennew li l-awtoritajiet jagħtu l-protezzjoni tagħhom.