Repubblika tirreferi għall-investigazzjoni ta’ Times of Malta li kixfet kuntratt ieħor ta’ “konsulenza” li Joseph Muscat daħal għalih kif spiċċa minn prim ministru ma’ nies li meta kien prim ministru innegozjaw mal-gvern tiegħu.

L-ispjegazzjoni uffiċjali ta’ dan il-kuntratt t’hekk imsejħa konsulenza ma titwemminx. Joseph Muscat u l-klijent tiegħu jriduna nemmnu li kumpanija li ddaħħal mat-€13,000 fis-sena tbiegħ l-għasafar lesta tqabbad konsulent u tħallsu kważi €12,000 fix-xahar. Seta’ kien l-akbar ġenju – li Joseph Muscat mhux – imma ebda kumpanija ma tħallas konsulent għaxar darbiet dak li taqla’.

Joseph Muscat jista’ jagħmel dan kollu għax min suppost jinvestiga l-korruzzjoni jibża’ minnu. Fejn xi ħadd juri mqar nitfa kuraġġ, Joseph Muscat jinfexx jheddu u jimmobilizza s-sostenituri fanatiċi tiegħu kontrih. Joseph Muscat jhedded maġistrati, pulizija, u prosekuturi għax jaf li dak inhar li kulħadd jagħmel xogħolu, hu jkollu jħallas t’għemilu.

L-istess qed jagħmel Joseph Muscat meta jhedded lill-ġurnalisti li jikxfuh. Kif għamel lil Daphne Caruana Galizia hu jipprova jiskreditahom u jakkużahom li qed iwettqu kampanja kontrih.

Minkejja li ilu li spiċċa minn prim ministru tlet snin, Joseph Muscat jippretendi li jibqa’ jerdgħa mill-qliegħ tal-korruzzjoni tar-reġim tiegħu.

Konvinti li l-piż tal-verità, ix-xogħol tal-ġurnalisti, u l-kuraġġ ta’ ftit uffiċjali pubbliċi leali għall-ġurament tagħhom, ser finalment iwasslu biex il-ġustizzja f’Malta terġa’ tkun l-istess għal kulħadd u l-ħallelin kollha, anke dawk li kienu jew huma prim ministru, jintbagħtu l-ħabs.