Il-Prim Ministru Robert Abela
Auberge de Castille
Pjazza Kastilja
Valletta

11 ta’ April 2021

Re: Għamiltu regoli li joħonqu l-libertà tal-volontarjat. Jeħtieġ li tirtirawhom immedjatament.

Onorevoli Prim Ministru,

F’pajjiżna għexieren ta’ eluf ta’ persuni ta’ kuljum jikkontribwixxu l-ħiliet u l-ħin tagħhom għal għanijiet li jservu l-ġid komuni. Dawn huma n-nies tal-għaqdiet volontarji. Dawn huma l-Malta li għandna niftaħru biha.

Hija l-ħidma ta’ dawn in-nies, ta’ dawn l-għaqdiet, li ġġedded ta’ kuljum dak li hu tajjeb f’pajjiżna. Huma dawn in-nies li jagħmluna kburin li aħna Maltin.

Il-Malta tal-volontarjat hija l-Malta li rridu nħarsu u nimbuttaw ‘il quddiem. Huma dawn in-nies – il-voluntiera – li joffru eżempju tajjeb ta’ x’inhi ċittadinanza tajba. Kuljum, dawn jagħtu l-ħin liberu tagħhom, u spiss anke flushom, għal dak li jemmnu fih. Kuljum, l-organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti minnhom joffru servizzi li kieku ma jeżistux.

Fl-2007 is-settur tal-volontajat ingħata struttura xierqa bil-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Matul is-snin, bosta organizzazzjonijiet volontarji rreġistraw u bdew jippreżentaw rapporti regolari dwar id-dħul u l-ispejjeż tagħhom lill-Kummissarju.

Iżda dan l-aħħar il-gvern immexxi minnek iddeċieda, mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd, li jibdel dawn ir-regoli b’avviżi legali li ser jeqirdu l-volontarjat minn pajjiżna. L-ewwelnett, dawn l-avviżi legali abbrogaw id-dritt awtomatiku tal-għaqdiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju tal-Organizzazzjinijiet Volontarji li jagħmlu ġbir mingħand il-pubbliku. Barraminnhekk, permezz ta’ dawn l-avviżi legali, il-gvern impona restrizzjonijiet ġodda u imprattikabbli fuq il-mod kif l-organizzazzjonijiet volontarji jiffinanzjaw lilhom infushom.

Ir-restrizzjonijiet u ż-żieda fi-burokrazija introdotti permezz ta’ dawn l-avviżi legali ser jagħmluha diffiċli immens għall-organizzazzjonijiet volontarji biex jiffunzjonaw. Fuq kollox, dawn l-avviżi legali huma vot ta’ sfiduċja fl-għaqdiet volontarji u fil-voluntiera kollha ta’ Malta u Għawdex. Dan m’għandux ikun. Il-kontribut tal-volontarjat lis-soċjetà Maltija huwa imprezzabbli u ħadd m’għandu jitħalla jkissru.

Aħna konxji li pajjiżna qed jaffaċċja sfida kbira biex jgħaddi mit-test tal-Moneyval. Iżda hija inġustizzja kbira li se jkunu l-organizzazzjonijiet volontarji li se jkollhom jagħmlu tajjeb għal abbużi li għamlu terzi.

Dan kollu mhux aċċettabbli għalina u għall-eluf ta’ voluntiera Maltin u Għawdxin. Dan kollu mhuwiex aċċettabbli f’demokrazija. Ma’ din l-ittra qed nibgħatlek kopja ta’ dokument b’analiżi dettaljata li għamilna dwar l-imsemmija avviżi legali.

ln vista ta’ dan, permezz ta’ din l-ittra nitolbuk tirtira u tirrevoka l-Leġislazzjoni Sussidjarja 492.03 – Regolamenti dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Ġbir Pubbliku) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja 492.04 – Regolamenti dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Ħwienet tal-Karità). Aħna ninsabu disponibbli għal diskussjoni fuq kif dan il-qasam jista’ jiġi regolat aħjar, iżda dawn l-avviżi legali huma mibnija fuq premessa falza – ċioe’ li l-għaqdiet volontarji mhumiex ta’ min jafdhom, anzi huma suspettużi – u għalhekk jeħtieġ li jkunu revokati bla aktar dewmien.

Inselli għalik,

Robert Aquilina
President