Repubblika ssottomettiet it-tweġiba tagħha għall-konsultazzjoni li fetaħ il-gvern dwar riforma fil-media, billi insistiet fuq il-bżonn urġenti ta’ azzjoni ta’ sustanza li tindirizza l-fallimenti sistemiċi fil-qafas legali, istituzzjonali u kulturali Malti għal-libertà tal-media. Is-sottomissjoni, ispirata mill-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, tfakkar l-obbligi tal-gvern li mhux imwettqa lejn il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet medjatiċi indipendenti bħala sies tad-demokrazija.

It-tweġiba ta’ Repubblika: il-punti ewlenin

  • L-għarfien Kostituzzjonali tal-ġurnaliżmu: Repubblika tinkoraġġixxi lill-gvern li l-ġurnaliżmu indipendenti jkun rikonoxxut fil-Kostituzzjonali ta’ Malta bħala element fundamentali għad-demokrazija b’garanzija tad-dritt li wieħed ifittex u jirċievi l-informazzjoni.
  • Protezzjoni tas-sorsi u tal-whistelblowers: Repubblika titlob protezzjoni mingħajr kundizzjonijiet tas-sorsi tal-ġurnalisti u tal-whistleblowers, targumenta li għandu jkun hemm postijiet indipendenti fejn wieħed jirrapporta l-ħażin, u immunità għall-ġurnalisti li jippubblikaw dak li jkun kixef whistleblower.
  • Jitneħħa l-Kumitat għas-Sigurtà tal-Media: Repubblika tiddenunzja l-Kumitat għas-Sigurtà tal-Media li hu għal kollox ikkontrollat mill-gvern mingħajr ebda sorveljanza esterna. Dan hu theddida għal-libertà tal-istampa u jmur kontra kemm dak li sabet l-inkjesta pubblika u l-istandards Ewropej. Repubblika titlob it-tneħħijja immedjata ta’ dan il-kumitat u minflok jinħoloq mekkaniżmu li jkun tassew indipendenti.
  • Salvagwardji effettivi kontra l-kawżi SLAPP: Nikkritikaw it-traspożizzjoni ta’ Malta tad-direttiva Ewropeja kontra l-kawżi SLAPP u nsejjħu għal protezzjonijiet b’saħħithom minn kawżi domestiċi, li kawżi abbużivi jitwaqqfu fi stadju bikri, li l-piż tal-ispejjeż jintefgħu fuq min jiftaħ kawżi SLAPP u titwessa’ l-possibiltà ta’ difiża fuq bażi ta’ interess pubbliku.
  • Riforma mill-qiegħ tal-media tas-servizz pubbliku: Repubblika tinsisti għal riformi strutturali u fl-operat tal-PBS u tal-Awtorità tax-Xanidr biex jassigura l-independenza mill-indħil tal-gvern, finanzjament fuq numru ta’ snin li jkun prevedibbli, u mekkaniżmi ta’ sorveljanza li jinvolvu lis-soċjetà ċivili u lil professjonisti tal-ġurnaliżmu.
  • Trasparenza fil-pubbliċità tal-istat u l-finanzjament tal-media: Repubblika tesiġi li l-pubbliċità mħallsa mill-istat għandha titmexxa minn entità indipendenti li tippubblika minn jedda u b’mod trasparenti l-infieq li jsir biex ir-riżorsi tal-istat ma jitħallewx jintużaw biex jippremjaw il-lealtà u joħonqu l-kritika.
  • Riforma mill-qiegħ tal-libertà tal-informazzjoni: Repubblika titlob riforma mill-qiegħ tal-mod kif Malta tħaddem il-liġi tal-libertà tal-informazzjoni (FOI) b’emfasi fuq il-preżunzjoni li l-informazzjoni li għandu l-gvern għandha tkun pubblika u aċċessibbli għall-pubbliku u li appelli minn deċiżjonijiet għall-ħabi tal-informazzjoni jkunu dekretati minn korpi indipendenti.
  • Is-sigurtà tal-ġurnalisti: Repubblika trid tara li jitqiesu bħala aktar gravi reati ta’ theddid u fastidju lill-ġurnalisti, li għandu jkun hemm tweġiba urġenti għal talbiet għall-protezzjoni, li l-istatistika dwar l-infurzar għandha tkun ippubblikata, u li għandu jkun hemm protokolli speċjalizzati għall-infurzar tal-liġi.

Meta se jsiru r-riformi?

Repubblika temmen li għandu jkun hemm skadenzi ċari għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi:

  • Tneħħijja immedjata tal-Kumitat għas-Sigurtà tal-Media u moratorium fuq l-attivitajiet tiegħu.
  • Fi żmien 6 xhur: Liġi li tapplika għal kawżi SLAPP domestiċi u riforma mill-qiegħ tal-liġi tal-libertà tal-informazzjoni.
  • Fi żmien 9 xhur: Riformi fil-PBS u fl-Awtorità tax-Xandir għall-indipendenza u finanzjament stabbli.
  • Fi żmien 12-il xahar: Emendi Kostituzzjonali li jiggarantixxu r-rwol tal-ġurnaliżmu u d-dritt għall-informazzjoni.

Spiċċa ż-żmien tan-nofs xogħol u r-retorika b’impenn vojt għal-libertà tal-istampa mingħajr progress li jitkejel. L-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tatna pjan ċar li issa jrid jitwettaq.

Jekk ma nagħmlux hekk il-gvern ikun qed jikxef intenzjoni ħażina u jsaħħaħ id-dubju dwar kemm huma ġenwini u kemm jista’ jitwemmen l-impenn tal-gvern li jipproteġi ‘l ġurnaliżmu indipendenti u d-dritt għall-informazzjoni.

Repubblika ssejjaħħ lill-gvern Malti biex jieħu ażżjoni immedjata u deċiżiva biex jipproteġi l-libertà tal-istampa, l-kontabilità pubblika, u s-saħħa tad-demokrazija f’Malta.