Qed nippublikaw kopja ta’ rapport li baghtilna l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Joseph Azzopardi għax hu ma ppubblikahx.

Il-Kummissarju għall-Istandards infurmana li, għal darb’oħra, huwa ddeċieda li ma jinvestigax ilment dwar ksur tal-Kodiċi ta’ Etika minn ministru.

Jidher li l-Prim Ministru Robert Abela qed jirnexxilu jinnewtralizza l-Kummissarju għall-Istandards u jibdlu fi strument għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-impunità għalih u għal sħabu.

Ir-rapport huwa dwar ilment li għamilna meta l-Ministru Aaron Farrugia baqa’ barra l-Kamra tal-Parlament u evita li jwieġeb mistoqsijiet dakinhar li ħareġ fil-pubbliku filmat juri żewġ uffiċċjali li jaħdmu f’Transport Malta, li taqa’ taħtu, isawwtu raġel f’nofs ta’ triq.

Avolja qalilna li ma investigax, Il-Kummissarju Azzopardi sab li:

  1. il-Kodiċi tal-Etika tagħhom jobbliga lill-Ministri jattendu l-Parlament ħlief meta jkunu msefrin fuq xogħol jew morda;
  2. l-Ordinijiet Permanenti jiskużaw Ministri li jfallu minħabba laqgħat oħra biss meta l-Ispeaker ikun avżat minn qabel permezz tal-Whip;
  3. Aaron Farrugia ma kienx imsiefer, ma kienx marid, u ma avżax lill-Whip biex javża lill-Ispeaker li kien se jfalli l-Parlament minħabba x-xogħol. Minflok waqt li deher fil-bini tal-Parlament ftit minuti qabel is-seduta, baqa’ barra l-kamra meta, bl-ammissjoni tiegħu stess, kien jaf li kien imiss lilu jwieġeb l-ewwel il-mistoqsijiet Parlamentari.

Minkejja li Aaron Farrugia b’mod lampanti – fatt ikkonfermat direttament mill-Kummissarju Azzopardi – kiser il-Kodiċi tal-Etika u l-Ordinijiet Permanenti, il-Kummissarju Azzopardi ddeċieda li “ma jinvestigax dan il-każ”.

Imbagħad, avolja qalilna li ddeċieda li ma jinvestigax, il-Kummssarju Azzopardi qalilna li “nattribwixxi dan il-każ għall-ippjanar ħażin minn-naħa tal-Ministru Aaron Farrugia” (para 31). Daqs li kieku wieħed huwa skużat li jġib ruħu b’mod ħażin jekk ma jippjanax.

Bħala fatt il-Kummissarju Azzopardi investiga l-każ, iddokumenta li ġara, ikkonferma l-ksur tal-Kodiċi tal-Etika, u bl-oppost ta’ dak li kien obbligat li jagħmel meta jsib Ministru jikser il-Kodiċi t’Etika, għalaq il-każ u difen ir-rapport ta’ x’ġara.

Hu ċar mill-kontentut tar-rapport tal-Kummissarju Joseph Azzopardi li Aaron Farrugia ġie jitmejjel mill-obbligi tiegħu, ġie jitmejjel mill-mistoqsijiet leġittimi tal-Parlament, u ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet leġittimi fuq abbuż vjolenti ta’ poter minn uffiċjali fir-responsabbiltà tiegħu.

Hu daqstant ċar mill-kontenut tar-rapport tal-Kummissarju Joseph Azzopardi li l-Kummissarju Joseph Azzopardi ried jgħattilu.

Repubblika tfakkar li l-imġieba xierqa minn-naħa tal-Ministri u l-Membri Parlamentari hija obbligu tagħħom u dritt taċ-ċittadini.