Repubblika qed issegwi l-iżviluppi fl-istorja marbuta mal-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fl-għoti ta’ liċenzji tas-sewqan.

Aħna ninsabu preokkupati dwar għadd ta’ aspetti ta’ din l-istorja.

L-ewwelnett dak li qed naraw huwa indikazzjoni oħra tat-tnawwir strutturali fl-istutuzzjonijiet tagħna, frott tal-impunità li teżisti f’pajjiżna. Il-ħmieġ f’pajjiżna mhux biss fejn jidħlu l-miljuni, imma saħansitra biex wieħed igħaddi mit-test tas-sewqan. 

Niftakru li ftit ilu sirna nafu bi tbaghbis fil-mileage ta’ karozzi importati second hand. Ninnotaw li waqt li l-Pulizija mexxiet fuq kazi ohra, f’dan il-kaz s’issa ma jidher li sar xejn.

Hu evidenti li l-korruzzjoni daħlet fl-oqsma kollha tal-ħajja tal-pajjiż u saret sors ta’ qliegħ kbir għal klikka ta’ nies.

Huwa inkwetanti li qed jissemmew uffiċjali għoljin u partit politiku. Donnu wasalna fi stat li apparti li m’hemmx distinzjoni ċara bejn partit u gvern, issa it-tnejn qed iħawdu flimkien biex jaġevolaw l-interessi tagħhom.

Il-poplu għandu dritt li jkun jaf il-verità sħiħa dwar dak li sar u nistennew li jittieħdu l-passi kollha kontra kull min abbuża u ttradixxa l-fiduċja li ngħatatlu fl-uffiċċju tiegħu.

Repubblika hija impenjata fil-ġlieda tagħha kontra l-qarnita tal-korruzzjoni li ħakmet kullimkien.