Diskors ta’ Dr Robert Aquilina

President Repubblika 2020 – 2021

Nibda dan l-intervent tiegħi billi nirringrazzja minn qalbi lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika u lill-membri ta’ l-organizzazzjoni li proponewni għal din il-kariga. Meta nħares lejn it-tlettax -il persuna li niffurmaw parti mill-kumitat, nirrealizza li aħna persuni b’karattri, ħiliet u backgrounds differenti ħafna minn xulxin. Pero’ għandna ħaġa in komuni: id-determinazzjoni li ntejjbu l-qagħda tas-soċjetà tagħna.

Nirringrazzja lil Vicki Ann Cremona li llum qegħda ittemm il-kariga taghha u lill-President ta’ qabilha Marion Pace Asciak. Dawn iż-żewg persuni taw kredibilità lill-organizzazzjoni taghna. Aċċettaw li jmexxuha meta konna ghadna fil-bidu u l-inċertezzi kienu kbar, u minkejja l-fatt li kienu jafu li b’dak il-pass kienu ser ikunu fil-mira diretta ta’ xibka ta’ politiċi u kriminali bla skrupli. Bil-ħila tagħhom u tal-kumplament tal-persuni li f’dawn is-sentejn servew fuq il-kumitat eżekuttiv, Repubblika affermat ruħha bħala waħda mill-NGOs ewlenin ta’ pajjizna. Kuntent li t-tnejn li huma ser jibqghu jiffurmaw parti u jagħtu l-kontribut validissimu tagħhom f’dan il-kumitat. Fuq livell personali grat lejhom li dejjem kienu miftuħa għall-ideat li ressaqt ‘il quddiem u għenu biex dawn jitwettqu.

F’Malta m’għandnix tradizzjoni qawwija ta’ socjeta’ ċivili fil-qasam tas-saltna tad-dritt u d-demokrazija. Sa fejn naf jien, ħlief għalll-grupp ta’ żagħżagħ imsejjħa ‘Tan-Numri’ fit-teminijiet, dawn l-oqsma dejjem kienu monpolju tal-politici.

Iżda dan kollu inbidel fit-3 ta’ waranosinhar tas-16 ta’ Ottubru tal-2017. Sa dakinhar hafna minna l-mijiet ta’ membri ta’ Repubblika ma konniex nafu lil xulxin u kienet remota hafna l-possbilita’ li npoġġu madwar l-istess mejda.

Iżda f’dak li jien inqies l-aktar mument iswed fl-istorja ta’ Malta, f’dan il-pajjiz inbidel kollox. Is-socjetà Maltija sabet ruħha tħares fil-mera u r-rifless li rat quddiema xejn ma kien sabih. Immaġini ta’ kollass ta’ istituzzjonijiet, ħakma tad-delinkwenti, korruzzjoni, omertà, u kolluzjoni bejn kriminali, politici u uffiċjali pubblici. U biex tgħaxxaqha, dawk li kienu wasluna f’dik is-sitwazzjoni kienu għadhom kemm reġgħu kisbu l-appoġġ tal-maġġoranza ta’ l-elettorat Malti.

Kien f’dak ix-xenarju li twieldet Repubblika. Fhimna li minn dik is-sitwazzjoni imwera ma kienux ser joħorġuna l-politikanti. Fhimna li kien hemm min ħassu safe joqtol ġurnalista, anke għaliex Daphne kienet sfat iżolata politikament. Fhimna li l-ħajja politika ta’ dan il-pajjiż kienet wisq importanti biex inħalluha f’idejn il-politiċi. L-unika tama taghna kienet id-determinazzjoni tagħna li ma nirrasjenjawx ruħna għal din is-sitwazzjoni iddisprata. Din kienet ser tkun battalja twila miġġielda minn nies komuni, nies li ħafna minna qatt ma fitxejna li jkollna vizibilità jew xi rwol pubbliku.

Meta assassinaw lil Daphne ħassejna ruħna bla difiża, għaliex b’Daphne (forsi egoistikament) kellna moħna mistrieħ li kien hemm hi attenta daqs seqer biex tinduna bl-abbuż u tixli bla ma tħares lejn uċuh. Il-ħila u d-determinazzjoni tagħha kienet tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ socjeta’ ċivili b’saħħita fl-oqsma tas-saltna taf-dritt u d-demokrazija.

Għalhekk Repubblika hi u tibqa’ marbuta mill-qrib ma’ Daphne.

F’rikorrenza bħal din tal-lum jeħtieg naraw fejn wasalna u fejn irridu immorru minn hawn. Fi ftit anqas minn sentejn għamilna passi kbar, akbar minn kemm konna pjanajna li nagħmlu. Li kieku sena ilu xi ħadd minn dawk preżenti fis-sala ta’ l-Istitut Kattoliku qam u qalilna li f’anqas minn 90 jum wara aħna ta’ Repubblika konna ser innizlu fit-toroq għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u nwaqqgħu gvern ta’ prim ministru korrott, ħadd ma kien jemmnu. Iżda nafu li bid-determinazzjoni tagħna lkoll dan għamilnih. Dawn l-erbat iqtates (u mhux qed nirreferi biss għall-membri tal-kumitat, iżda qed ninkludi lilkom ukoll il-membri ta’ Repubblika) b’rizorsi limitatissimi għelbu lil dak li kiseb l-akbar rebħiet elettorali fl-istorja ta’ pajjizna, dak li ħaseb li ħadd ma jista’ għalih.

Minn dejjem emmint fil-bżonn li Repubblika timmobilizza n-nies. F’Novembru u Dicembru tal-2019 dan għamilnih b’mod impekkabbli. Flimkien ktibni l-istorja ta’ dan il-pajjiż. Kien ta’ sodisfazzjon ukoll il-fatt li għalkemm il-protesti organizzajnihom aħna, għalihom irnexxilna niksbu l-appoġġ pubbliku ta’ bosta NGOs oħra u ta’ media houses.

U minkejja l-limitazzjonijiet u l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija li ninsabu fiha, xorta waħda qed jirnexxilna nkunu preżenti fit-toroq. Ċertament mhux kemm nixtiequ fid-dawl ta’ l-oxxenitajiet li ta’ kuljum insiru nafu bihom, iżda biżżejjed biex lil min għandu f’idejh it-tmun ta’ pajjiżna nfakkruh li aħna għadna hawn għassa tiegħu, determinati aktar minn qatt qabel li nassiguraw futur diċenti għas-soċjetà tagħna. Personalment nemmen li għad nirrepetu dak li ġara f’dawk ix-xahrejn ta’ protesti, għaliex il-gvern ta’ Abela fil-parti l-kbira tiegħu hu kontinwazzjoni tal-gvern oxxen ta’ Muscat.

Fl-istess waqt, inħoss li l-ambizzjonijiet ta’ Repubblika jmorru oltre l-protesti u l-ġlieda kontra dak li hu ħażin fis-soċjetà tagħna. Kburin b’li għamilna u ninsabu lesti biex nirrepetuh fil-mument opportun. Iżda jekk fit-tul taż-żmien inkunu għadna qed inħabbtu wiċċna ma’ emerġenza ta’ legalità u demokrazija, sinjal li nkunu fallejna fil-missjoni taghna.

Repubblika għandha fid-DNA tagħha l-missjoni li tkun għassiesa. Iżda daqstant ieħor għandha l-missjoni li tkun aġent ta’ bidla. Irridu niddenunzjaw il-ħazin, iżda b’aktar qawwa irridu nkattru dak li nemmnu li hu tajjeb. Irridu nreġġgħu lura l-proċess li wassal biex traqqdet il-kuxjenza kollettiva tagħna l-Maltin, li ippermetta li l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ pajjizna jinħatfu, li wassal biex kien hawn min ħass li kien safe li jelimina ġurnalista.

U għalhekk ser naħdmu biex titwaqqaf fergħa taż-żagħżagħ f’Repubblika u biex żagħżagħ jinvolvu ruħhom fit-tmexxija ta’ l-organizzazzjoni tagħna.

Minn mindu Repubblika twaqqfet, ħadna ammont kbir ta’ inizjattivi fil-Qrati, kemm permezz ta’ kawżi kif ukoll billi tlabna b’suċċess li jsiru inkesti maġisterjali. Ser inkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni u diġa’ għandna f’moħħna diversi inizjattivi ġudizzjarji li bi ħsiebna nieħdu biex inkomplu nkunu għassiesa tad-demokrazija u l-legalità u fl-istess waqt inkunu aġenti ta’ bidla fis-soċjetà tagħna.

Wasal iż-żmien li Repubblika jkollha s-sede tagħha. Dan il-pass huwa naturali għal NGO li taspira li tikber u iżżid il-ħidma tagħha u għalhekk għandna nagħmlu l-isforz meħtieġ sabiex sal-laqgħa ġenerali annwali tas-sena d-dieħla Repubblika jkollha uffiċċju minn fejn topera.

Irridu wkoll nindirizzaw il-mod kif l-organizzazzjoni tagħna tiffinanzja l-operat tagħha. Bħal ma tafu, Repubblika s’issa dejjem iffinanzjat ruħha esklussivament minn donazzjonijiet tal-pubbliku, fil-parti l-kbira tagħhom waqt attivitajiet li norganizzaw. S’issa dan ħadem, b’mod speċjali għaliex f’din l-aħħar sena organizzajna numru kbir ta’ protesti tal-massa. Iżda hu ovju li dan ma jistax ikun mudell sostenibbli għall-futur. Jeħtieġ li nagħmlu l-isforz meħtieġ biex Repubblika jirnexxilha tibbenefika minn fondi offruti mill-Unjoni Ewropeja u minn istituzzjonijiet oħra.

Naturalment tali fondi jingħataw biex jitwettqu proġetti speċifiċi, li sikwit realistikament ikunu jistgħu jitwettqu biss jekk wieħed ikollu amministrazzjoni professjonali tassisti lill-NGO. Inoltre, is-sejħiet li jkunu pubblikati in konnessjoni ma’ tali finazjamenti, sikwit ikollhom bħala wieħed mill-prerekwiżiti tagħhom il-bżonn li l-NGO jkollha minn ta’ l-anqas persuna waħda impjegata magħha. U allura, matul is-sena li ġejja jeħtieġ li nagħmlu dan il-pass ukoll, billi noħorġu sejħa pubblika għall-impjieg ta’ persuna ma’ Repubblika. Jekk inħarsu madwarna naraw li dan huwa l-mudell li jintuża minn NGOs Maltin li għaddew mit-test taż-żmien.

Fl-istes waqt, ngħid bla tlaqliq, li jiena nemmen li r-ruħ ta’ Repubblika għandu jibqa’ il-volontarjat, għaliex huwa l-akbar garanzija li jista’ ikollna li Repubblika tibqa’ vuċi ħielsa u soda fis-soċjetà Maltija.

Naturalment, dawn iż-żewġ passi, li jkollna sede kif ukoll li jkollna persuna impjegata ma’ Repubblika, huma komplimentari għal xulxin. Jikkostitwixxu sfida mhux żgħira għal Repubblika, iżda huma indispensabbli jekk irridu li l-assoċċjazzjoni tagħha jkollu futur. Irridu niżguraw li l-mudell li nħaddmu jkun wieħed vijabbli u sostenibbli. U allura, filwaqt li matul is-sena li ġejja għandna nibqgħu nagħmlu b’mod effettiv dak kollu li għamilna s’issa, jeħtieġ li nqegħdu l-pedamenti biex Repubblika tkompli tasserixxi ruħha bħala forza ewlenija fil-pajjiż.

Fl-isforz tagħna li nkunu għassiesa tal-legalità u d-demokrazija, bi ħsiebna nagħmlu aktar użu mid-dritt mogħti mill-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni li jinkisbu dokumenti miżmuma minn awtoritajiet pubbliċi. Din il-liġi, li aspetti minnha għandhom ħafna fejn ikunu imtejjba, għandha l-potenzjal li tkun għodda tajba ħafna biex inżidu l-kontabilità fil-ħajja pubblika. Ninsabu ukoll konxji li ġurnalisti Maltin ta’ sikwit inġustament isibu l-bibien magħluqa meta jiġu biex jagħmlu dawn it-tip ta’ talbiet.

Għalhekk, f’Repubblika ser ikollna grupp ta’ persuni li jifformulaw u jsegwu FOI requests. Fix-xhur li ġejjin ser ninvolvu wkoll lilkom il-membri ta’ Repubblika u lill-pubbliku in ġenerali f’dan l-isforz. Ser inniedu faċilità online li tiffaċilità is-suġġerimenti tal-pubbliku lilna għal dawn it-tip ta’ talbiet.

L-isforzi tagħna f’dan ir-rigward jafu jfissru li nattakkaw ċaħdiet għal talbiet għal informazzjoni, kemm quddiem l-Information and Data Protection Commissioner kif ukoll fil-Qrati. Ċertament f’dan ir-rigward ser ikun ferm utli rapport li stabbilejna ma’ Access Info Europe, organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem stabbilita f’Madrid fl-2006 u li għandha l-missjoni li tippromwovi u tipproteġi d-dritt għall-aċċess għall-infirmazzjoni.

Il-mijiet ta’ persuni li huma imsieħba f’Repubblika huma rikkezza għal din l-organizzazzjoni. L-attendenza tagħkom fl-attivitajiet li norganizzaw jimlewna bil-kuraġġ. Fl-istess waqt aħna konxji li persuni msieħba f’Repubblika għandhom ħafna x’joffru bl-ideat u bil-ħidma tagħhom. Għalhekk matul is-sena li ġejja bi ħsiebna ninvolvu membri ta’ Repubblika f’sotto-kumitati u proġetti ad hoc li aħna inħejju.

Għandna l-ħsieb illi nwaqqfu Osservatorju tal-Governanza, li fost l-oħrajn ikollu l-għan illi jissorvelja u janalizza l-indikaturi li jkunu ippubblikati minn żmien għal żmien in konnessjoni mal-performance tal-gvern, id-drittijiet tal-bniedem, ix-xejriet ekonomiċi, l-ambjent, is-saħħa, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u fit-tmexxija, kif ukoll rapporti tal-Ombudsman, l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika u organi indipendenti oħra.

Dan l-osservatorju jkollu wkoll l-għan li jsegwi u janalizza każijiet speċifiċi ta’ kontroversja pubblika u skandli, bl-intenzjoni li wieħed jifhem aħjar dawk il-każijiet x’jikxfu dwar is-sors u l-patterns tal-korruzzjoni, kemm huma sodi istituzzjonijiet pubbliċi u x’riformi hemm bżonn.

Sa mill-bidu nett tagħha Repubblika tat importanza kbira lir-riformi ta’ natura kostituzzjonali li pajjiżna jeħtieġ. Dejjem insistejna li qabel ma wieħed jibda r-riforma innifisha, jeħtieġ li qabel xejn jasal fi qbil mhux biss mal-politiċi iżda fuq kollox mal-plejers l-oħra fis-soċjetà Maltija dwar il-metodu li bih dawn ir-riformi għandhom isiru.

B’dispjaċir ninnutaw li progress f’dan ir-rigward ma sar tista’ tgħid xejn. Ħadd għadu ma jaf meta u kif ser tibda l-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Nifhmu li l-pandemija ikkumplikat aktar dan il-proġett, iżda anke qabel il-pandemija konsultazzjoni serja ma rajniex. Dan kollu fil-fehma tagħha hu ferm preokkupanti, partikolarment għaliex nemmnu li jekk l-affarijiet ma jsirux bil-għaqal u bl-ispirtu li jixraq, minn ġot-taġen nispiċċaw fin-nar.

Il-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika bi ħsiebu jżid l-impenn tiegħu f’dan il-qasam tant importanti. Il-pjanijiet tagħna huma ibbażati fuq il-premessa li riformi kostituzzjonali jistħgu jkunu ta’ suċċess biss jekk ikunu trasparenti, jekk jinvolvu parteċipazzjoni ta’ akkademiċi u tas-soċjetà ċivili, u jekk l-ispirtu jkun li l-Kostituzzjoni tagħna tkun riformata u mhux sostitwita b’oħra ġdida.

F’dawn is-sentejn rajt b’għajnejja kemm hawn Maltin li jemmnu f’soċjetà ċivili b’saħħitha u ħielsa. Irrealizzajt ukoll kemm hawn persuni b’ħiliet u rieda li jikkontribwixxu għall-ġid tas-soċjetà li huma lesti jiddedikaw il-ħin tagħhom bla kumpens monetarju biex dak li jemmnu fih ikun realizzat. Ħafna minn dawn il-persuni jinsabu delużi bil-politika, u kif tista’ ittihom tort? Repubblika toffri opportunità biex dawn ir-riżorsi jitqegħdu għas-servizz ta’ pajjiżna.

Bħal meta nħarsu lejn il-bidu tad-disgħinijiet neċessarjament niftakru fir-rivoluzzjoni li kienet saret permezz tal-pluraliżmu tax-xandir, jien konvint li l-istoriċi għad iħarsu lejn daż-żmien bħala l-mument fejn is-soċjetà ċivili issaħħet u armat ruħha b’vuċi soda u kredibbli.

Repubblika waslet fil-fażi li tieħu konjizzjoni ta’ dak li rnexxilha tikseb u tqiegħed il-pedamenti sabiex tkun f’posizzjoni li twettaq is-sejħa tagħha b’mod effettiv fil-ġejjieni. Konvint li l-programm li fassalna għat-tnax-il xahar li ġejjin u l-ħeġġa tagħna lkoll ser jippermettulna nilħqu din il-mira.

Il-Ħamis 1 ta’ Ottubru 2020