Repubblika tilqa’ s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li sabet li l-inkjesta dwar il-kuntratt tal-isptarijiet saret b’mod ġust u skont il-liġi.

Il-Qorti ċaħdet l-argument li l-proċess kien illegittimu jew li l-maġistrat kienet preġudikata. Dan ifisser li dak li ilu jingħad għal snin sħaħ – li din kienet “persekuzzjoni” jew “inkjesta politika” – issa ġie miċħud mill-qorti. L-istituzzjonijiet ġudizzjarji jistgħu u għandhom ikomplu jagħmlu xogħolhom sal-aħħar mingħajr ostakli.

Din is-sentenza għandha wkoll tifsira istituzzjonali importanti. Għal żmien twil il-maġistrat li mexxiet l-inkjesta kienet suġġetta għal pressjoni pubblika u politika qawwija. Joseph Muscat ikkoordina kampanja ta’ assassinju tal-karattru tal-maġistrat. Il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu intervjena b’mod ripetut biex jiskredita l-proċess, b’argumenti li jixbħu aktar lil difiża legali ta’ persuna akkużata milli lil rispett lejn l-indipendenza tal-ġudikatura. Illum il-Qorti kkonfermat li dawn l-attakki ma kellhom l-ebda bażi fattwali jew legali.

F’demokrazija, l-iktar test importanti tal-istat tad-dritt jasal meta l-liġi trid tapplika għall-aktar persuni b’saħħithom politikament. L-istituzzjonijiet għandhom ikunu liberi li jinvestigaw, jikkonkludu u, jekk hemm il-każ, jikkundannaw mingħajr intimidazzjoni, kampanji ta’ deleġittimazzjoni jew pressjoni minn min għandu l-poter.

Repubblika tfakkar li l-inkjesta bdiet wara rapport kriminali magħmul minn ċittadini. Fil-fatt din kienet inkjesta li talbet Repubblika. Il-fatt li l-Qorti kkonfermat il-validità tal-proċess huwa konferma li ċ-ċittadini għandhom id-dritt ifittxu l-ġustizzja u li l-liġi tapplika għal kulħadd bl-istess mod. Minn dakinhar ‘l hawn il-gvern neħħa dan id-dritt billi bidel il-liġi u dan l-abbuż qed nikkontestawh fil-qorti wkoll. Dan minbarra l-attentat ta’ Joseph Muscat f’din il-kawża li tilef illum li jiskredita ħidma ta’ Repubblika, partikolarment tal-eks-president Robert Aquilina u tal-Avukat li assistiena Jason Azzopardi.

Intennu appell sempliċi: ħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu. Il-ġustizzja trid issir fil-qrati u mhux fuq il-palk politiku. Din is-sentenza turi li, minkejja pressjoni qawwija, l-istat tad-dritt f’Malta jista’ jiffunzjona, jekk jingħata ċ-ċans jagħmel hekk.