Repubblika tesprimi tħassib serju dwar l-istqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela li negozji bi strutturi illegali xorta se jingħataw fondi pubbliċi minħabba l-ħsara li għamillhom il-maltemp għax, fi kliemu “meta jitqies l-għixien tal-familja, il-konformità mal-liġi titqies bħala materja separata”.
Din l-istqarrija turi kolass tal-prinċipji l-aktar bażiċi tal-governanza.
Meta l-prim ministru jgħid lill-pajjiż li s-saltna tad-dritt tiġi wara l-konvenjenza elettorali, ma jibqax il-gwardjan tal-interess pubbliku imma l-ħuttab ta’ sistema klientelista fejn il-flus tal-pubbliku jintużaw bħala rigal lil dawk li jiksru l-liġi.
Ngħidu bl-aktar mod ċar: L-għixien tal-familji hi importanti. Imma l-liġi qegħda hemm biex tiggarantixxi li l-għixien jitħares b’mod ġust, b’mod sigur, u b’mod sostenibbli. Jekk in-negozji joperaw illegalment – jekk għax jibnu bla permess, jinjoraw ir-regoli tal-ippjanar, jew jevadu l-kontrolli regolatorji – dak mhux att ta’ protezzjoni: dak att ta’ kompetizzjoni inġusta ma’ dawk li jobdu r-regoli.
Gvern li jħalli operat illegali jibqa’ għaddej diġà falla. Gvern li mbagħad jissussidjahom bil-flus tat-taxxi jkompli jgħaxxaq il-falliment.
L-argument tal-prim ministru jisfaxxa taħt l-iċken eżami loġiku. Ma nagħtux benefiċċji statali lill-kriminali bl-iskuża li qed jgħixxu familja. Ma nużawx flejjes pubbliċi għal min għamel ħażin u allura ma setax joħroġ assigurazzjoni. Minkejja dan, il-prim ministru qed jippromwovi preċiżament dan il-prinċipju għal negozji illegali.
Din il-politika tikkastiga lill-impriżi li jobdu l-liġi doppjamament. L-ewwel għax iġġiagħlhom iħallsu l-ispejjeż li ġġib magħha l-ubbidjenza tal-liġi u t-tieni għax iġġielgħhom iħallsu mit-taxxi tagħhom biex isalvaw lill-kompetituri tagħhom li ġew jaqgħu u jqumu mil-liġi. Din mhix mogħdrija. Din hi inġustizzja istituzzjonalizzata.
Agħar minhekk hi l-loġika politika wara dan kollu. Waqt li toqrob elezzjoni, il-prim ministru qed jisfida lil politiċi rivali biex joġġezzjonaw għal din l-idea għax jaf li dawk li se jgawdu mill-flejjes pubbliċi se jħossuhom obbligati lejh. Din hi d-definizzjoni ta’ klienteliżmu: li l-flus ta’ min iħallas it-taxxa jintużaw biex tinxtara l-lealtà elettorali.
Ma jistax ikun agħar il-messaġġ li qed jingħata lis-soċjetà: Ikser il-liġi. Injora l-permessi. Evita r-regolamenti. U jekk jinqala’ xi diżastru l-gvern jikkumpensak għat-telf li ssofri.
Allura għalfejn għandna l-liġijiet?
Repubblika tinsisti li l-għajnuna ta’ emerġenza għandha tingħata biss lil min għandu bżonn ġenwin u mhux lil operati illegali. Kull għajnuna pubblika għandha tingħata bil-kundizzjoni li tkun obduta l-liġi. L-istat għandu jipproteġi lil negozji onesti, imma mhux jissussidja lil dawk li jfottuhom.
Il-maltempata għamlet il-ħsara. Imma kliem il-prim ministru jagħmlu ħsara aktar dejjiema fis-saltna tad-dritt, fil-ġustizzja, u fil-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet u fil-liġi.