Repubblika qed issegwi d-diskors pubbliku dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef li jmiss.

Fl-ewwel lok Repubblika tesprimi s-sogħoba tagħha għall-fatt li l-ħatra tal-president tal-ġudikatura – fergħa li teħtieġ tkun indipendenti mill-gvern u mill-parlament – saret logħoba ta’ pika politika li frankament qed tagħmel aktar ħsara lill-indipendenza u l-awtorità tal-ġudikatura milli kienu jagħmlu l-ħatriet antiki fejn il-prim ministru kien jagħżel waħdu.

Biex ikun skansat kull dubju ma naħsbux li l-prim ministru għandu jkollu l-poter waħdu li jiddeċiedi min ikun il-prim imħallef. Imma frankament l-imġieba tal-Prim Ministru Robert Abela turi li hu perfettament dispost idgħajjef lill-prim imħallef qabel jinħatar basta xorta effettivament jiddeċiedi waħdu.

Infakkru li għal sena wara l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea iddeskriviet il-mod kif Malta taħtar lill-prim imħallef bħala metodu li mhux konformi man-normi demokratiċi Ewropej. Dan għax il-ġudikanti mhuma bl-ebda mod involuti fl-għażla ta’ dak li se jmexxihom. Dan idgħajjef l-indipendenza tal-ġudikatura li hu element essenzjali ta’ demokrazija li taħdem.

Prim imħallef li jidher li ntagħżel għax riedu l-gvern (minkejja l-indipendenza li jaġixxi biha) jidher li jaf il-pożizzjoni tiegħu lill-gvern. Appartiminhekk, ġudikanti li jitħajjru jidħlu għal dik il-pożizzjoni jissugraw jidhru li d-deċiżjonijiet tagħhom favur jew kontra l-gvern ittieħdu fid-dell tad-diskrezzjoni tal-prim ministru jtihomx il-promozzjoni.
Sena wara l-oħra l-Kummissjoni Ewropea irrakkomandat li Malta ssib kif tinvolvi lill-ġudikanti fl-għażla tal-Prim Imħallef. U sena wara l-oħra l-gvern wiegħed li se jsib mod kif dan jagħmlu.

Il-fatt li m’għaddewx emendi Kostituzzjonali s-sena li għaddiet mhux skuża biex il-gvern u l-parlament jibqgħu jinjoraw lill-ġudikanti. M’hemmx bżonn ta’ xi miżuri Kostituzzjonali biex il-prim ministru (u l-bqija tal-parlament li għandu d-dmir jagħżel il-prim imħallef b’kunsens bejn iż-żewġ naħat) jikkonsulta u jikkonsultaw mal-ġudikanti u jisimgħu x’inhi x-xewqa tagħhom. Din hi konsultazzjoni li jista’ jmexxi l-Ispeaker tal-parlament, jew rappreżentanti tal-partiti Parlamentari u li tista’ ssir b’mod privat.

Insaqsu għalhekk saritx konsultazzjoni effettiva mal-ġudikanti fl-għażla tal-prim imħallef li jmiss, x’kienet il-fehma li esprimew il-ġudikanti f’din il-konsultazzjoni, u jekk ma saritx konsultazzjoni, għandniex naraw li din issir minnufih qabel kontroversja banali bejn il-partiti politiċi taħtar prim imħallef imdgħajjef għal xejn.