Repubblika tilqa’ d-deċiżjoni importanti tal-qorti ta’ ftit jiem ilu fil-każ kostituzzjonali tal-eks-President tagħha, Dr Robert Aquilina, wara kważi sitt snin ta’ battalja legali biex jikseb informazzjoni li messa qatt ma nħbiet lill-pubbliku. Id-deċiżjoni mhix finali w għadha soġġetta għall-appell.
Il-każ beda b’talba sempliċi taħt il-liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni li saret fl-2020, biex isir magħruf lil min, il-Kummissarju tal-Pulizija, ippropona bħala kandidati biex jinħatru fuq il-Bord tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), u kif il-gvern ħa d-deċiżjoni finali. Din l-informazzjoni kienet direttament rilevanti għad-dibattitu politiku dwar il-korruzzjoni, l-impunità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet Maltin.
Minflok applika l-liġi, il-gvern għażel li jirreżisti din it-talba f’kull stadju: irrifjuta li jagħti l-informazzjoni, u sforza li jsiru appelli, waqt li staħba wara teknijalitajiet, u tawwal il-proċeduri għal snin sħaħ. L-aħħar deċiżjoni tal-qorti tikkonferma li dan it-tkaxkir tas-saqajn kiser kemm id-dritt ta’ smiegħ xieraq u d-dritt tal-pubbliku li jkun informat fuq materji li huma fl-interess ċar tal-pubbliku.
Id-deċiżjoni tal-qorti għandha sinifikat politiku qawwi. Tikxef kif l-Istat juża s-segretezza b’mod sistematiku biex ikenn il-poter eżekuttiv mill-iskrutinju pubbliku, u kif arranġamenti istituzzjonali li suppost qegħdin hemm biex jipproteġu t-trasparenza jistgħu jintużaw fil-prattika biex idewwmu u biex iżommu l-kontroll tal-informazzjoni f’idejn il-gvern.
Din id-deċiżjoni ssaħħaħ prinċipju demokratiku fundamentali: l-informazzjoni li għandu l-gvern tappartjeni lill-pubbliku. Hu biss għal raġunijiet tassew eċċezzjonali u strettament ġustifikati li l-aċċess tal-pubbliku jista’ jkun limitat. F’demokrazija, is-segretezza tista’ tkun biss l-eċċezzjoni, qatt ir-regola.
Repubblika ttenni l-bżonn urġenti għal riforma fil-qafas legali tal-Libertà tal-Informazzjoni f’Malta. Dik ir-riforma għandha tagħti l-poter liċ-ċittadini, lill-ġurnalisti, u lis-soċjetà ċivili biex jgħassu l-imġieba tal-gvern mingħajr ma jkollhom għalfejn ikaxkru għal snin twal ta’ spejjeż u enerġija fil-qorti.
Repubblika tirringrazzja lil Dr Robert Aquilina għall-persistenza tiegħu f’dan il-każ fl-interess pubbliku, u lill-avukat Dr Therese Comodini Cachia għad-difiża tad-drittijiet kostituzzjonali assigurati minn din id-deċiżjoni