Repubblika tirrispetta d-deċiżjonijiet tal-qrati. Il-ħelsien tal-lum fi tmiem il-każ tal-“impjieg fantażma” ġara għax tneħħiet mill-provi x-xhieda li kienet instemgħet fil-qorti. Dan allura mhux riżultat li jfisser li l-imġieba li dwarha saret din il-prosekuzzjoni kienet b’xi mod legali jew aċċttabbli. Billi l-ħtija kriminali ma setgħatx tiġi pprovata mis-sistema li għandna, ma jfissirx awtomatikament li għandna sistema fejn il-pubbliku issa jrid jagħmel tabirruħu li ma ġara xejn ħażin.
Mhux biżżejjed li dan hu każ ta’ allegat ħolqien frawdolenti ta’ mpjieg fis-settur pubbliku, imħallas mit-taxxi tan-nies, u rranġat għal xi ħadd li m’għamilx ġurnata xogħol fis-servizz pubbliku. Li jagħmel dan il-każ ħafna aktar gravi minhekk u li allegatament dan l-impjieg ġie rranġat minn u għal kospiratur fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan mhux biss klinteleżmu u amministrazzjoni ħażina. Dan hu abbuż ta’ poter b’implikazzjonijiet iwaħħxu għad-demokrazija tagħna u għas-saltna tad-dritt.
Il-ħelsien kien riżultat ta’ teknikalitajiet legali li ma ħallewx lill-qorti tagħti kas tal-provi li kienu nstemgħu f’qorti miftuħa. Il-pubbliku iżda jiftakar dawk il-provi. Ma nsejniex x’instema’ jingħad bil-ġurament. Dmirna ta’ ċittadini ma jħalliniex insibu kenn fil-falliment tal-istituzzjonijiet imma li nikkundannaw imġieba li tittradixxi l-fiduċja tal-pubbliku, speċjalment meta din tmiss mal-agħar reat fl-istorja riċenti ta’ Malta.
Inħeġġu lill-prosekuturi biex ikompli jirrapreżentaw l-interess pubbliku b’impenn sħiħ meta l-każ jinstema’ fl-appell. Il-ġustizzja ma ssirx biss bil-verdetti; issir ukoll meta l-Istat juri li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi.
Tassew allarmati naraw dawk li huma politikament responsabbli għax wettqu dan l-abbuż issa jagħmluha tal-vittmi, waqt li l-Gvern u l-Partit Laburista jibqgħu jirrifjutaw li jitbiegħdu minnhom. Demokrazija ma tistax tfiq mill-ħtif tal-istat meta l-mexxejja tagħha jibqgħu jipproteġu lill-istess nies li bnew sistema korrotta.
L-Inkjesta Pubblika Daphne Caruana Galizia avżatna mill-korruzzjoni organizzata u rrakkomandat li jiddaħħlu malajr liġijiet ta’ kontra l-mafja biex inkunu nistgħu nżarmaw is-sistemi kriminali li joperaw fl-Istat u madwaru. Każijiet bħal dan juru li ma nistgħux nibqgħu mingħajr dawn ir-riformi. Dawn huma riforma meħtieġa b’mod urġenti għax huma indispensabbli.
Malta jixirqilha Stat li jonora lill-pubbliku, mhux Stat li jisfruttah. Se nkomplu nesiġu amministrazzjoni pubblika msejjsa fuq l-integrità, il-kontabilità, u s-saltna tad-dritt, mhux l-impunità għan-nies tal-poter.