Repubblika tikkundanna żewġ deċiżjonijiet separati tal-qrati meħuda din il-ġimgħa li jfakkruna fil-bżonn urġenti ta’ ħarsien aqwa għal-libertajiet tal-istampa f’Malta.
Fl-ewwel każ, il-qorti ordnat li jinħeba isem individwu f’pożizzjoni pubblika mill-Isvizzera li nstab ħati li wettaq fastidju sesswali fuq impjegata f’lukanda. Il-qorti ħarġet din l-ordni biex tipproteġi r-reputazzjoni ta’ dan l-individwu minħabba l-pożizzjoni politika tiegħu minkejja li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf b’imġiebtu ħażina. Dan iqajjem tħassib serju li l-liġi ma titħaddimx bl-istess mod ma’ dawk li qegħdin fil-poter.
Fl-istess waqt, Times of Malta ngħatat ordni ta’ skiet fuq talba ta’ kumpanija tal-flus elettroniċi (Papaya). Din l-ordni żammet lit-Times of Malta milli tippubblika allegazzjonijiet dwar fallimenti ta’ Papaya relatati mal-ħasil tal-flus. Papaya daħħlet il-kawża l-qorti qabel kien għadu nkiteb l-artiklu. Dan hu eżempju tal-waħx ta’ bullying minn kumpaniji li jużaw ħażin il-liġi biex isikktu ġurnaliżmu fl-interess pubbliku. Dawn it-tattiċi legali ta’ din il-kumpanija mhuma xejn anqas minn ċensura b’mezzi legali.
Nesprimu solidarjetà sħiħa mal-ġurnalisti u mat-Times of Malta li qed jiġġieldu dawn l-attakki fuqhom. Dawn il-każijiet ifakkruna kemm hu faċli biex individwi u kumpaniji jisfruttaw il-liġi biex jaħbu mġieba ħażina anke meta dik l-imġieba tolqot ħażin lill-pubbliku.
Dawn huma tfakkiriet ġudizzjarji tal-importanza vitali li jkollha riforma kredibbli tal-liġijiet dwar il-media. L-hekk imsejħa “konsultazzjoni pubblika” li għaddejja bħalissa hi ċajta li ma ddaħħaq lil ħadd. Il-gvern ma ppubblika ebda proposta u l-proċess nieqes minn kull trasparenza u skambju ġenwin u ħieles ta’ ideat. Malta jixirqilha dibattitu profond u inklussiv li jwassal għal liġi li tħares il-libertà tal-istampa u tipproteġi lill-media minn azzjonijiet legali abbużivi waqt li tiggarantixxi ħelsien għall-ġurnaliżmu fl-interess pubbliku.
Il-pubbliku għandu dritt ikun infurmat. Kumpaniji li jagħmluha tal-bullies u individwi b’saħħa politika m’għandhomx jitħallew jaħbu s-sigrieti tagħhom wara ordinijet ġudizzjarji għas-skiet.