Repubblika tesprimi solidarjetà mal-edukattriċi Joanna Mallia li kienet imwiddba għax esprimiet l-opinjoni tagħha dwar materja edukattiva fil-pubbliku.

Repubblika tqis li dan l-aġir huwa wieħed gravi, partikolarment f’kuntest edukattiv li suppost huwa forum ewlieni fejn jissawru ċittadini li jaħsbu b’moħħhom u li ma jiddejqux jesprimu l-opinjoni tagħhhom.

Dan l-inċident huwa inkwetanti ħafna, aktar w aktar meta jkun ikkunsidrat li l-ordni taċ-ċensura ġiet “minn fuq”.

Aħna nistennew li “fuq” jisimgħu aktar milli jagħlqu ħalq dak li jkun. Huwa inutli li l-liġijiet ta’ pajjiżna jgħidu li l-għalliema huma professjonisti meta jeħtigilhom il-permess biex jgħidu dak li jaħsbu fuq il-professjoni tagħhom.

Aħna nistennew li l-Ministru tal-Edukazzjoni jikkundanna dan l-aġir. Jekk ma jagħmilx hekk, nistennew li l-Prim Ministru jiċċara l-pożizzjoni tal-Gvern dwar din iċ-ċensura.