27 ta’ Jannar 2025
Il-Prim Ministru
Il-Berġa ta’ Kastilja
Il-Belt Valletta
Prim Ministru,
DWAR: IEQAF TQARRAQ DWAR ID-DIKJARAZZJONIJIET TAD-DĦUL U TAL-ASSI TAL-MINISTRI U S-SEGRETARJI PARLAMENTARI
Qed niktbulek għax ittra lis-Segretarju tal-Kabinett tat-23 ta’ Jannar 2025 u tfakkira fil-25 ta’ Jannar għadhom s’issa bla risposta.
Nifhmu minn ruling tal-Ispeaker tat-22 ta’ Jannar 2025 li int u l-kollegi tiegħek iddeċidejtu li twaqqfu d-drawwa li tagħtu lill-parlament kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi li tagħmlu skont Artiklu 7.3 tat-Tieni Skeda tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika (Kap. 570).
Artiklu 4.4 tal-istess Skeda jobbligak u ‘l-kollegi tiegħek tkunu bl-“aktar mod possibbli (…) miftuħa fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament u lill-pubbliku inġenerali.” Artiklu 5.6 jobbligak u ‘l-kollegi tiegħek li “bħala uffiċjali pubbliċi (għandkom tkunu) ispirati u fl-imġieba, azzjonijiet u deċiżjonijiet (tagħkom) iggwidati (mill-)valur (…) tat-Trasparenza.”
Hu ċar għalhekk li jekk ittieħdet deċiżjoni li żżommu mistura d-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi tagħkom dan qed tagħmluh bi ksur tal-Kodiċi tal-Etika li l-ubbidjenza lilu hi obbligu legali li għandkom.
Nirreferu mbagħad għal rimarki li għamilt int nhar is-26 ta’ Jannar 2025 fejn għidt li qed taħseb biex tneħħi d-dikjarazzjonijiet speċifiċi li tagħmlu intom il-ministri u minflok iżżid l-obbligazzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet tad-deputati tal-parlament u allura bħala deputati l-ministri jagħmlu dikjarazzjonijiet bħall-oħrajn. M’hemmx mod ieħor kif tiddisekrivi kliemek milli tgħidlu qerq sfaċċat.
Dwar dan ngħidu:
- M’għandna ebda oġġezzjoni jekk l-esiġenzi ta’ trasparenza għad-deputati kollha jiżdiedu.
- F’Malta, ix-xogħol ta’ deputat hu part-time u deputat hu mistenni li jkollu impjieg jew attività ekonomika oħra. Dan aħna ma naqblux miegħu, u kemm-il darba għidna li d-deputati għandhom ikunu full-time. Imma sakemm ikunu part-time l-interessi privati tagħhom huma tagħhom u tagħhom biss. Dan b’kuntrast mal-ministri li kif jgħid il-kodiċi tal-etika li jorbothom (Artiklu 7.2) ma jistax ikollhom ebda attività ekonomika oħra ħlief il-pożizzjoni uffiċjali tagħhom. Hu għalhekk li hu għal kollox loġiku li d-dikjarazzjonijiet tal-ministri dwar l-interessi tagħhom ikunu differenti minn tad-deputati, tal-anqas sakemm id-deputati li mhumiex ministri jibqgħu part-timers.
- Il-ministri tal-gvern għandhom f’idejhom responsabbiltajiet għall-amministrazzjoni ta’ flejjes pubbliċi u opportunitajiet ta’ korruzzjoni fuq skala li ma tistax titqabbel b’ebda mod mal-poteri limitati ħafna li għandhom deputati parlamentari li mhumiex uffiċjali tal-gvern. Hu għal kollox proporzjonat li t-trasparenza tal-ministri tal-gvern tkun tirrifletti l-potenzjal ta’ korruzzjoni li hu naturalment bil-bosta akbar fil-gvern.
- Il-fatt li qed tikkontempla riforma fid-dikjarazzjonijiet tal-assi (biex skontok titjieb it-trasparenza) ma jfissirx li għandek iċċajpar il-livell ta’ trasparenza li jeżisti llum. Għandek tħalli s-sistema antika ta’ dikjarazzjonijiet għaddejja waqt li tikkonsulta dwar kif għandek ittejjibha.
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi tal-ministri huma għodda indispensabbli għall-ġurnalisti, riċerkaturi, u membri oħra tas-soċjetà ċivili li jaqdu d-dmir demokratiku tagħhom li jissorvejlaw l-imġieba tan-nies li jinsilfilhom il-poter politiku.
Meta gvern inaqqas it-trasparenza jibgħat is-sinjal inevitabbli li għandu x’jaħbi. Hu ħażin li unilateralment tieħu deċiżjonijiet li tagħmel il-gvern tiegħek aktar magħluq għall-iskrutinju pubbliku. Aħna ffrustrati bir-rifjut tiegħek li tikkonsulta dwar dawn il-materji minkejja talbiet ripetuti li għamilnilek. Aħna partikolarment iffrustrati li int u l-gvern tiegħek għaffiġtu l-proċess li l-gvern tiegħek intrabat li jagħmel fl-Open Government Partnership. Int u l-gvern tiegħek s’issa rrifjutajtu li timplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Group of States Against Corruption (GRECO) u tal-OECD dwar kif għandha tiżdied it-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika. U flok tagħmel l-affarijiet aktar trasparenti, qed tgħattihom dejjem aktar bit-tajn.
Nitolbuk għalhekk:
- Tippubblika minnufih dikjarazzjonijiet aġġornati tal-assi u l-interessi tiegħek u tal-kollegi tiegħek skont il-liġi;
- Tibda konsultazzjoni pubblika dwar kif għandha tiżdied it-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika.
Qed nippubblikaw din l-ittra għall-interess ta’ kulħadd.
Tislijiet,
Vicki Ann Cremona
President