Aħna l-organizzazzjonijiet imniżżla hawn nagħmlu appell lill-gvern u lill-awtoritajiet Maltin li jippubblikaw White Paper bl-abbozz tat-tibdil fil-liġi dwar l-inkjesti maġisterjali. Il-White Paper għandha tkun opportunità għal djalogu miftuħ qabel il-gvern jiddeċiedi x’jgħaddi mill-Parlament.
Id-dritt għal appell ta’ persuni privati biex issir inkjesta maġisterjali hu dritt li għandhom illum iċ-ċittadini kollha. Jekk il-gvern irid inaqqas jew ineħħi dan id-dritt, għandu l-obbligu demokratiku li jagħti l-opportunità liċ-ċittadini jesprimu rwieħhom dwaru.
Għal sena wara l-oħra il-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta għandu jkollha proċess obbligatorju ta’ parteċipazzjoni pubblika fl-għamla tal-liġijiet. Sakemm nistennew li l-gvern jimplimenta din ir-rakkomandazzjoni, irid jiġi mill-gvern li jikkonsulta b’mod adegwat qabel jimplimenta liġijiet, partikolarment liġijiet li jagħtu qafas għas-saltna tad-dritt f’Malta.
Il-liġi eżistenti dwar id-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesta maġisterjali f’dawn l-aħħar snin kienet vitali meta f’każijiet flagranti ta’ korruzzjoni kbira il-pulizija irrifjutat li taġixxi. Hu ċar għal kulħadd li mingħajr din il-liġi ma kienx ikollna l-prosekuzzjoni dwar il-korruzzjoni fil-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi. Hu ċar li mingħajrha ma jkollniex prosekuzzjoni dwar il-korruzzjoni bejn 17 Black u l-kumpaniji tal-ministri fil-Panama.
Hu għalhekk essenzjali li kull tibdil li jsir fil-liġi ma jkollux l-effett li jnaqqas il-kapaċità ta’ Malta u ċ-ċittadini tagħha li jiġġieldu b’mod effettiv il-korruzzjoni.
Nappellaw għalhekk li qabel il-gvern jippubblika formalment abbozz ta’ liġi għat-tieni qari fil-Parlament, jippubblika White Paper u jiftaħ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva.
Repubblika
Aditus Foundation
The Daphne Caruana Galizia Foundation
Għaqda Studenti tal-Liġi
#occupyjustice
PEN Malta
Żgħażagħ Ħaddiema Nsara
Vuċi Kollettiva
Moviment Graffitti