Hu tassew tal-waħx naraw lill-Prim Ministru Robert Abela jwiegħed tibdil legali biex iġarraf il-ftit li baqa’ mis-saltna tad-dritt.

Issa qed jgħid li se jibdel il-liġi biex l-uffiċjali tiegħu li jħallu l-ministri jisirqu u jinxtraw ikollhom garanzija li ma jkun hemm ebda konsegwenza għall-kompliċità tagħhom.

Pajjiżna għandu tradizzjoni legali ta’ sekli li meta uffiċjal pubbliku jwettaq reat li jkun fid-dmir li jara li ħaddieħor ma jwettaqx isofri konsegwenzi legali aktar gravi. Dan jagħmel sens totali. Wara kollox għandna dritt nippretendu li uffiċjali pubbliċi jaġixxu dejjem b’kuxjenza u fl-interess tal-pubbliku mhux l-interess personali tagħhom. Il-pubbliku għandu dritt jippretendi li uffiċjali pubbliċi jkunu ta’ eżempju fl-aġir tagħhom u meta jaraw lil ħaddieħor jisraq, flok jisktu jitkellmu u jaġixxu.

Mhux talli Robert Abela jrid ineħħi l-aggravju għal aġir kriminali ta’ uffiċjali pubbliċi, talli jrid jeżentahom minn kull konsegwenza meta jwettqu reat.

Infakkru li skont il-liġi, uffiċjali ta’ kumpaniji privati jiffaċċjaw prosekuzzjoni personalment jekk iwettqu reati fuq ix-xogħol. Imma issa Robert Abela jrid li min fiċ-ċivil jgħin lill-ministru jisraq u jfotti ma jiġrilu xejn.

Robert Abela qal li se jibdel il-liġi għax uffiċjali pubbliċi ġew ippersegwitati bi snin ta’ prosekuzzjoni minħabba inkjesti maġisterjali biex imbagħad instabu innoċenti. Din hi fantasija. Ebda prosekuzzjoni lil xi uffiċjal pubbliku li ġiet minn xi allegazzjoni ta’ korruzzjoni f’dawn l-aħħar għaxar snin ma wasslet għal xi ġudizzju ta’ innoċenza wara li saret prosekuzzjoni falza.

L-uniku każ li jixbaħ dak li jiddeskrivi Robert Abela hu l-prosekuzzjoni falza li kienet saret lil Anthony Debono, żewġ l-eks-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono. Dak saritlu prosekuzzjoni personali għal allegata korruzzjoni fuq ix-xogħol li l-qorti sabet li kien għal kollox innoċenti minnha. Minflok, kienet abbużata l-ġustizzja biex issirlu persekuzzjoni politika bl-użu ta’ xhud mixtri mill-gvern li l-qorti m’emmnitux. L-avukat tax-xhud li ma twemminx kien ħadd ħlief Robert Abela.

M’hemm xejn ħażin li jkollna liġijiet li jżommu personalment responsabbli lil uffiċċjali pubbliċi li b’rieda ħażina jew bi traskuraġni jħallu flus in-nies jinsterqu. Dawn il-liġijiet, li ilhom magħna mis-seklu 19, ma jurux sfiduċja fiċ-ċivil. Anzi. Juru r-responsabbiltà kbira li huma fdati biha l-uffiċjali pubbliċi. Dik ir-responsabbiltà trid mingħandhom li meta jaraw infieq ħażin jew korrott tal-flus pubbliċi ma jisktux, imma jqumu fuq saqajhom u jwaqqfu l-illegalità. Jekk ma jagħmlux hekk hu ġust li jiffaċċjaw il-konsegwenzi skont il-liġi.