Repubblika, l-NGO tas-saltna tad-dritt, għadha kemm ippubblikat manwal li jagħti pariri importanti lill-attivisti dwar kif jikkollaboraw mal-ġurnalisti investigattivi.

L-inizjattiva tifforma parti minn proġett ta’ sentejn, multinazzjonali u iffinanzjat mill-UE, bl-isem ta’ S-INFO. Dan il-proġett qed joffri wkoll żewġ għotjiet ta’ €5,000 lill-ġurnalisti lokali biex jaħdmu fuq rapport investigattiv ma’ xi NGO Malti.

S-INFO qed isir f’erba’ pajjiżi: l-Italja, il-Belġju, ir-Rumanija u Malta. Il-proġett ifittex li joħloq mudell sostenibbli ta’ kollaborazzjoni bejn ġurnalisti indipendenti u attivisti tas-soċjetà ċivili, billi jiffaċilita ħidma konġunta fir-rappurtar investigattiv.

L-għan huwa kemm li jiġi appoġġjat il-ġurnaliżmu indipendenti kif ukoll li jingħata leħen aktar b’saħħtu lill-attivisti, li ta’ spiss ikunu msikkta jew neqsin mill-għodod meħtieġa biex jilħqu udjenza wiesgħa.

L-ewwel pass f’din l-inizjattiva kien il-ħolqien ta’ għodda utli għall-attivisti: il-manwal. Dan jistabbilixxi l-elementi tal-ġurnaliżmu investigattiv, joffri pariri dwar il-kollaborazzjoni mal-ġurnalisti fil-ħidma investigattiva, u jagħti dettalji tal-opportunitajiet li qed joffri l-proġett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-manwal jista’ jitniżżel mill-websajt S-INFO.

Ġurnaliżmu investigattiv – kors u għotja ta’ €5,000

Il-pass li jmiss se jkun kors ta’ jumejn fil-ġurnaliżmu investigattiv li se jsir fil-bidu ta’ Ottubru. Għal dan se jattendu ġurnalisti investigattivi aspiranti – ġurnalisti prattikanti jew studenti tal-ġurnaliżmu – li jistgħu japplikaw għall-kors.

Ir-rappreżentanti tal-NGOs se jkunu mistiedna jattendu parti mill-ħin biex jesploraw opportunitajiet għal kollaborazzjoni mal-parteċipanti tal-kors. Is-sit web S-INFO qed jipprovdi wkoll spazju biex jiffaċilita l-iskambju u sħubijiet ġodda.

Dan kollu jippreżenta opportunità eċċellenti għall-ġurnalisti biex jespandu n-netwerk ta’ sorsi tagħhom u biex l-attivisti jsibu forom ġodda ta’ appoġġ mill-midja.

Wara l-kors, kull ġurnalist se jipproponi storja investigattiva li għandha tiġi segwita b’kooperazzjoni ma’ NGO. Bord ta’ aġġudikazzjoni S-INFO magħmul minn rappreżentanti mill-erba’ pajjiżi se jagħti tmien għotjiet ta’ €5,000 lill-ġurnalisti li jagħmlu l-aħjar proposti, tnejn minn kull pajjiż.

Il-ġurnalisti rebbieħa se jkollhom ftit xhur biex iwettqu l-investigazzjoni konġunta tagħhom u se jirċievu mentoring matul it-triq. L-istejjer se jkunu soġġetti għal proċess ta’ editjar u se jiġu ppubblikati fuq is-siti web s-INFO u tal-isħab fl-2025.

Il-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona qalet: “Ir-rwol tal-ġurnalisti u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili hu differenti iżda l-għan tat-tnejn hu l-istess: li niskopru l-fatti, niddokumentawhom, u nimmobilizzawhom biex intejbu ħajjitna ta’ komunità flimkien. Qed inqarrbu ġurnalisti u attivisti li jaħdmu għall-ġustizzja soċjali, għall-ħarsien tal-ambjent u għal gvern aktar ġust u ħieles mill-korruzzjoni.

“Bejn ir-riżorsi li qed nipprovdu u l-finanzjament li qed nagħtu, qed naħdmu lejn il-missjoni dejjiema tagħna li nipproteġu l-kelma ħielsa u naħdmu għal demokrazija aħjar u soċjetà aktar ġusta. Kuntenti tassew naraw tant attivisti u ġurnalisti jaqsmu magħna din il-missjoni.”