Nirreferu għal “sorsi interni inkluż ministri anzjani” ċitati llum mingħajr ma ssemmew minn Malta Today li qalu li l-Prim Ministru Robert Abela ta direzzjoni lil uffiċjali tal-pulizija anzjani biex ma jinterregowx persuni li ssemmew fl-inkjesta tal-korruzzjoni fl-isptarijiet, u minflok tahom direzzjoni li jressquhom kollha l-qorti biex jassiguraw li Joseph Muscat ma jidhirx waħdu bħala l-moħħ wara l-frodi.
M’aħniex ixxukkjati b’din l-allegazzjoni għax kif ilna ngħidu, id-deċiżjonijiet tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali f’każi ta’ korruzzjoni ma jagħmlux sens legali jew loġiku imma jagħmlu sens biss għax ikunu jaqblu lill-gvern u lill-Partit Laburista.
Imma xxukkjati naraw li ministri tal-gvern taw testimonjanza lill-ġurnalisti li jafu li l-pulizija aġixxew fuq direzzjoni espliċita tal-Prim Ministru.
F’każi ta’ kriminalità, il-Prim Ministru m’għandu ebda dritt jagħti struzzjonijiet lill-Pulizija. Aħseb u ara meta ħbieb tiegħu huma ssuspettatti fir-reati li qed jiġu mistħarrġa. Dawn il-ministri anzjani qed jiddeskrivu abbuż sfaċċat tal-poter, aġir illegali ta’ prim ministru biex jipproteġi kriminali ħbieb tiegħu.
Waqt li nikkritikaw lil dawn il-ministri li minkejja li huma xhieda ta’ aġir abbużiv u illegali, jinħbew wara l-anonimat, ninterpellaw lill-Prim Ministru li jiċħad l-allegazzjoni li ta struzzjonijiet lill-Pulizija fuq lil min għandhom jew m’għandhomx jinterrogaw u lil min għandhom jew m’għandhomx iressqu l-Qorti.
Jekk ma jagħmilx hekk, għandu jirreżenja qabel jidlam.