Il-Prim Ministru Robert Abela
Auberge de Castille
Pjazza Kastilja
Valletta
9 ta’ April 2021
Onorevoli Prim Ministru,
Repubblika tistenna li inti tieħu azzjoni immedjata u deċiżiva favur imġieba etika u korretta mill-Ministri u l-Membri Parlamentari tiegħek.
Inti responsabbli għall-imġieba tagħhom u meta tonqos milli tieħu azzjoni, issir responsabbli tan-nuqqasijiet tagħhom.
Qed niktbulek biex nesprimu d-diżgust tagħna wara l-ittra li l-Ministru Edward Zammit Lewis u l-membru parlamentari Glenn Beddingfield bagħtu lill-Ispeaker ilbieraħ fil-għaxija. Dawn stqarrew li mhux ser jattendu għal-laqgħa li kellha ssir illum dwar rapport dwar allegat ksur tal-Kodiċi ta’ Etika mill-Ministru Karmenu Abela mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara ilment li ressaqna aħna.
Dan huwa logħob pwerili u insult lill-Poplu Malti minn dawk li suppost jirrapreżentawh.
Il-laqgħa li suppost issir illum, suppost saret tliet ġimgħat ilu, iżda Dr Zammit Lewis u s-Sur Beddingfield telqu ‘il barra. Issa qed tinġieb skuża banali biex din il-laqgħa titħassar. Fil-frattemp, għandek rapport li jista’ jkun li jindika li l-Ministru Abela kiser il-Kodiċi ta’ Etika.
Nistennew ukoll li, bħala dawk li ressaqna l-ilment, inkunu nafu dak li nstab fir-rigward tiegħu.
Dawn il-maniġġi tal-membri parlamentari tiegħek qed iġibu l-Parlament bħala post fejn dawk li suppost qed jaħdmu f’isem u għall-Poplu kollu qed isiru grupp ta’ nies li jaraw x’jivvintaw biex jgħattu għal xulxin. Lil dawn ngħidulhom li huma jridu jagħtu kont ta’ għemilhom lill-Poplu Malti għax huma magħżula u mħallsa mill-Poplu Malti.
Inselli għalik,

Robert Aquilina
President