Repubblika hi mħassba bl-aħbar ta’ mewt oħra fil-ħabs. Jidher li l-awtoritajiet tal-ħabs diġà kkonkludew li l-mewt seħħet b’mod naturali minkejja li għad trid tibda inkjesta.
Il-priġunieri huma fdati f’idejn l-awtoritajiet u meta sseħħ mewt fil-kustodja tal-awtoritajiet, dan iġib tħassib. Fl-aħħar sentejn u nofs kien hemm disa’ mwiet fil-kustodja tal-awtoritajiet. Din hi indikazzjoni ta’ falliment sistematiku li jinkwetana ħafna.
Il-falliment sistematiku jinkludi wkoll l-utilità tal-inkjesti maġisterjali li jsiru b’mod sigriet u li ħadd qatt ma jsir jaf ingħalqux, x’kien l-eżitu tagħhom u twettqux ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-maġistrati.
Rapporti fl-istampa jgħidu li fil-preżent hemm madwar 25 inkjesta maġisterjali pendenti fuq inċidenti li ġraw f’dawn l-aħħar sentejn u nofs. Dan hu assurd, perikoluż u ta’ tħassib kbir.
Nappellaw ukoll lill-membri tal-ġudikatura li jużaw il-poter li ttihom il-liġi u jżuru dawk il-partijiet tal-ħabs moħbija minn għajnejn il-pubbliku u li hu rrappurtat huma miżmuma f’kundizzjonijiet li jistgħu jammontaw għal tortura jew trattament inuman. La għandhom il-poter li jaġixxu, id-deċiżjoni tagħhom li ma jeżerċitawx dak il-poter hu forma ta’ kompliċità.