Repubblika tesprimi solidarjetà mas-Sindku Alfred Zammit wara li ngħatat in-nar il-karozza tiegħu. Is-Sur Zammit qal li jemmen li min wettaq dan l-attakk għamlu minħabba x-xogħol tiegħu u għax tkellem f’isem ir-residenti tal-Belt Valletta.
L-użu tal-vjolenza u l-vandaliżmu għal għanijiet politiċi m’hu xejn ħlief att ta’ terrur li mhux aċċettabbli f’demokrazija. Id-dgħjufija tas-saltna tad-dritt u l-polarizzazzjoni partiġġjana estrema li akkumulajna f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin wassluna s’hawn.
Ebda qaddej tal-pubbliku – politiku, ġurnalist, uffiċjal pubbliku, attivist – m’għandu jsofri intimidazzjoni u vjolenza u kull meta dan jiġri l-istat ikun qed ifalli mid-dmir li jipproteġi lin-nies li jħaddmu d-demokrazija ta’ pajjiżna.