Nikkundannaw bil-qawwa kollha l-kummenti faxxisti tal-Prim Ministru Dr Robert Abela fir-rigward tal-Ġudikatura u l-Qrati ta’ pajjiżna.

Repubblika hija ppreokkupata b’mod gravi bil-kumment dwar “terroriżmu politiku” fil-qasam tal-ġustizzja li l-Prim Ministru għamel dalgħodu. Għalina dan huwa tentattiv ta’ intimidazzjoni u theddida lill-Qrati ta’ pajjiżna. Repubblika m’hi se taċċetta qatt dan it-tip ta’ diskors u mġieba.

Ġustizzja ħielsa, imparzjali u f’waqtha hija garanzija tal-libertà tagħna lkoll. Mingħajrha l-pajjiż isir ġungla fejn min jiflaħ jgħaffeġ fuq id-dgħajjef, fejn il-liġijiet mhumiex l-istess għal kulħadd.

Dan id-diskors huwa inaċċettabli f’demokrazija u f’pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li nirringrazzjaw lil dawk li jservu fil-ħajja pubblika b’mod onest, inħeġġu lil kull min għandu xi responsabbiltà fl-Istat Malti bex jirreżisti diskors u attitudnijiet bħal dawk tal-Prim Ministru dalgħodu.