L-allegazzjonijiet li espona l-Avukat Jason Azzopardi fit-talba tiegħu għal inkjesta maġisterjali huma serji ħafna. Skont dawn l-akkużi, li huma ta’ natura kriminali, nies li setgħu jiġu skwalifikati u mwaqqfa milli jsuqu minħabba li saqu b’mod abbużiv u kontra l-liġi, ġew maħfura illegalment wara ħlas illegali.
Dan ir-racket huwa għad-dannu tal-Istat Malti, jiġifieri, għat-telf ta’ kull cittadin ta’ rieda tajba, u jinvolvi turisti barranin. Jekk dawn l-abbużi tassew seħħew, iqegħdu lil pajjiżna f’dawl ikraħ ħafna fuq livell internazzjonali, bil-possibiltà li jikkompromettU sors kbir ta’ dħul finanzjarju: it-turiżmu, li jagħti għixien lil tant familji.
Għalhekk Repubblika teżiġi li sakemm tibda l-investigazzjoni maġisterjali, Il-pulizija u l-awtoritajiet għandhom malajr jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda tbagħbis biex tinqered l-evidenza.