Repubblika tikkundanna l-aġir tal-Prim Ministru fil-konfront tal-Maltin ta’ rieda tajba, meta aċċetta li Rosianne Cutajar terġa’ tidħol fil-grupp parlamentari Laburista wara li kienet tkeċċiet meta nkixfet l-imġieba diżonesta u ta’ regħba tagħha fil-konfront tal-Maltin u l-Għawdxin. Dak li konna tennejna fl-2023 għadu jgħodd: l-impunità għall-korruzzjoni u l-ħniżrijiet m’għandhomx post fil-ħajja pubblika.
Robert Abela ħalla lil Rosianne Cutajar terġa’ ssib postha, mingħajr għall-inqas ma ġiegħelha tagħmel apoloġija lill-Maltin u Għawdxin kollha talli ttradiet il-fiducja li tawha permezz tal-vot tagħhom. Dan juri biċ-ċar li l-impunità, u mhux l-integrità, jiġu ppremjati minn dan il-gvern. Eżempju oxxen ieħor ta’ differenza bejn dawk viċin il-poter li jistgħu jagħmlu li jridu, u l-bqija tal-poplu li jrid iħallas għall-kapriċċi tagħhom.
Skont Rosianne Cutajar, “kulħadd jitħanżer”. Aħna nikkorreġu dak li qalet: Dawk fil-poter bla kuxjenza, jitħanżru. Min hu veru interessat fil-Maltin u l-Għawdxin, jaqdi dmiru.