Repubblika hi mħassba bl-azzjoni li ħadu l-uffiċjali tal-aġenzija li tamministra l-qrati li, mill-informazzjoni li għandna, aġixxew illum fuq struzzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela biex jieħdu passi ġudizzjarji kontra Jason Azzopardi.
Repubblika tafferma li għandhom jiġu rrispettati r-regoli dwar il-bon ordni f’kull cirkostanza u f’kull istituzzjoni.
Daqstant ieħor, imma, l-użu tal-liġi u tal-qrati mill-Prim Ministru u mill-Gvern fi sforz biex jiskreditaw attivisti li jqisuhom xewka hi materja ta’ interess pubbliku u theddida għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin.
Iċ-ċirkostanzi tal-każ jagħtuna x’nifhmu li hekk ġara llum wara nofsinhar. Nikkundannaw dak li jidher li hu abbuż serju tal-poter li jnaqqar il-fiduċja tal-poplu fis-sistema tal-harsien tal-ordni.
Dan l-abbuż ma jistax jiġi ttollerat.