Dalgħodu l-ġurnal The Times żvela kif sa issa diġà nstabu li nsterqu aktar minn 2 miljun euro mingħand l-aktar nies fil-bżonn fl-iskema korrotta mħaddma minn ministri u l-Parit Laburista. Il-ġurnal jirrapporta wkoll kif is-somma tal-flus misruqa mistennija li tispara bl-ammont tas-serq li sar fl-aħħar 3 snin.

Repubblika tfakkar li l-flus li nsterqu f’din l-iskema korrotta u kriminali nsterqu mit-taxxi tagħna lkoll u min-nies li għalkemm għandhom bżonn kbir, il-fondi pubbliċi ma setgħux jgħinuhom għax kienu qed imorru għand min ma ħaqqux.

Il-gvern ta’ Robert Abela huwa wkoll gvern korrott moralment.

Għaliex qed jinqabad iż-żgħir biss? Għaliex min organizza din l-iskema ta’ serq u korruzzjoni qed jitħalla jeħlisha?

Għaliex mhux qed jittieħdu passi kontra l-ministri u n-nies tagħhom li orġaniżżaw, ħaddmu u gawdew minn din l-iskema korrotta?

Għaliex l-uffiċċjali fid-dipartimenti u l-awtoritajiet li kkollaboraw f’din l-iskema ta’ serq qed jgħadduha lixxa?

X’qed jistenna l-Prim Ministru Robert Abela biex jitkellem dwar din l-iskema korrotta? Hemm xi ħadd qrib tiegħu li ma jistax jintmess?

Nafu bid-dikjarar li s’issa nsterqu 2 miljun ewro. U l-Gvern li suppost jipproteġina huwa ċass, il-ħuta l-kbira qed teħlisha u, bħas-soltu, iż-żgħir iħallas ta’ kollox.

Repubblika m’hi se taċċetta qatt din is-sitwazzjoni.