L-aħbar li l-Ministru Michael Falzon ħatar bord ta’ tlett iħbieb tiegħu biex jistħarrġu kif insterqu l-miljuni mill-fondi pubbliċi hi attentat tal-gvern li jidher li qed jieħu azzjoni meta fil-fatt qed ikompli jaħbi u jistaħba.

Għalfejn kellha tkun l-investigazzjoni tat-Times of Malta f’Settembru 2023 biex jinħatar dan il-bord meta skont stqarrija oħra tal-ministeru ta’ Michael Falzon, id-dipartiment tiegħu kien ilu jaf b’dan is-serq minn Settembru tal-2022? Għalfejn inħatar issa dan il-bord meta Robert Abela qal li ħa d-deċiżjonijiet politiċi kollha meħtieġa meta sar jaf b’dan is-serq f’Diċembru tal-2021?

Għalfejn ħbew kollox għal kważi sentejn sakemm kixfuhom il-ġurnalisti?

Mhux veru li l-gvern irid li jkunu magħrufa l-fatti għax kieku l-gvern kien jipprova jiskoprihom dakinhar li, bl-ammissjoni tiegħu stess, sar jaf x’kien qed jiġri.

Il-gvern hu inkwetat bir-reazzjoni tal-pubbliku li qed jirrealizza li qed jintużaw flusu stess biex il-gvern jixtri l-voti.

Il-gvern irid jagħti kont t’għemilu. Michael Falzon kellu jħabbar din it-taparsi deċiżjoni f’konferenza għall-ġurnalisti biex iwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom, mhux jinħeba wara d-DOI u l-Facebook. Kienu jsaqsuh għalfejn qam issa imma m’għamel xejn meta hu stess jammetti li sar jaf li kienu qed jinsterqu l-flus li suppost imorru għall-persuni b’diżabilitajiet severi.

Issa ħatar tlett iħbieb biex jgħidulu li m’għamel xejn ħażin u biex taparsi jserrħu ras kulħadd li Silvio Grixti waħdu, mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd, iffroda lill-Maltin miljuni t’ewro għal snin mingħajr ħadd ma nduna. U meta nqabad, ikkastigawh billi tawh promotion u żieda fil-paga meta għamluh konsulent tal-prim ministru.

Jgħidu li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni korrott ukoll. Aħseb u ara min jippremjaha u min jaħbiha.